Ħinijiet tal-Quddies
Issa li qlibna għall-ħin tax-xitwa, il-quddiesa ta’ filgħaxija tibda tkun fis-6.30pm. Nhar ta’ Sibt filgħaxija, il-ħin tal-quddies se jibda jkun fil-5.15pm u fis-6.30pm. Dawn il-ħinijiet millum ’il hemm se jkunu stabbli u ma jinbidlux meta taqleb is-siegħa. Fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-ħin tal-quddies ikun fis-6.00pm. Navżaw li fis-Santwarju qed issir quddiesa kuljum fis-6.00pm.
Mill-Ħadd li ġej 6 ta’ Novembru minflok il-quddies tad-9.00am u l-10.00am se tibda ssir quddiesa waħda li tkun għat-tfal u l-famija fid-9.30am, bħalma kien isir qabel il-covid.
Festa tal-Qaddisin
It-Tlieta 1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin Kollha, se ssir quddiesa għat-tfal fil-Knisja Arċipretali fil-5.00pm. Il-quddiesa tas-6.30pm tkun kantata.
Għid tal-Imwiet
L-Erbgħa 2 ta’ Novembru, niċċelebraw l-Għid tal-imwiet. Niftakru f’ħutna l-mejtin. Il-quddies filgħodu jibda fis-6.00am u jkompli kull nofs siegħa bl-aħħar quddiesa tkun fit-8.30am. Fis-6.30pm issir konċelebrazzjoni biex nitolbu għal ħutna l-mejtin, b’mod speċjali dawk li mietu minn Novembru tas-sena l-oħra ’l hawn. Inħeġġu l-qraba tagħhom biex jieħdu sehem f’din il-quddiesa.
Grupp ġdid Ċentru Ta’ Warda
Fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Ta’ Warda se nibdew grupp ġdid għall-adolexxenti li rċevew il-Griżma tal-Isqof, jiġifieri dawk li twieldu fis-sena 2010 (Form 2). L-ewwel laqgħa għal dan il-grupp se ssir nhar l-Erbgħa 9 ta’ Novembru fis-7.00pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Għal iktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjaw lil Fr Mario Dimech.
Quddies fiċ-Ċimiterju
Il-Ħadd 6 ta’ Novembru, fl-4.00pm ikun hemm quddiesa fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’ u wara jsir it-tberik tal-oqbra. It-tberik taċ-ċimiterju ta’ Sant’Andrija jsir il-Ħadd ta’ wara fl-4.00pm.
Seminarista Malcolm Saliba
Nifirħu lis-seminarista Malcolm Saliba li qiegħed assenjat fil-parroċċa tagħna, li nhar it-Tlieta filgħaxija se jirċievi l-Ministeru tal-Akkolitat minn Monsinjur Arċisqof. Dan huwa l-aħħar pass qabel jiġi ordnat Djaknu s-sena d-dieħla. Jixraq li nakkumpanjawh bit-talb tagħna.
Ġbir b’riżq il-Missjoni
Il-ġbir li sar is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-Missjoni kien ta’ €4,284. Il-Ħadd li ġej nagħmlu l-ġabra speċjali għall-knisja u x-xogħol ta’ restawr li qed isir. S’issa nġabru €22,220 b’riżq il-proġett tal-koppla.