Sagrament tal-Magħmudija
Il-Ħadd, 10 ta’ Settembru fil-5.30pm ikun hawn quddiesa li fiha jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Magħmudija.
Reġistrazzjoni Katekiżmu
Matul din il-ġimgħa tkompli r-reġistrazzjoni tat-tfal għall-katekiżmu fil-parroċċa tagħna. Il-ġenituri/kustodji tat-tfal li se jibdew jattendu għall-ewwel darba f’wieħed miċ-ċentri tal-katekiżmu fil-parroċċa tagħna minn Ottubru li ġej huma mitluba li jirreġistraw lit-tfal tagħhom. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu fl-Uffiċċju Parrokkjali.
Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja
It-Tlieta 12 ta’ Settembru, fid-9.30am, jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja, fis-sala tas-Sorjiet.
Laqgħa Grupp Padre Pio
It-Tlieta 12 ta’ Settembru filgħaxija se ssir l-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Padre Pio, wara l-waqfa tas-sajf. Il-laqgħa tibda fl-6.00pm b’rużarju meditat u wara toħroġ il-quddiesa ta’ filgħaxija.
Ġbir fil-Quddies
Il-ġbir li jsir fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej ikun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa permezz tal-Patrijiet Franġiskani. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi.
Festa Marija Addolorata
Il-Ħadd li ġej, 17 ta’ Settembru, niċċelebraw il-festa ta’ Marija Addolorata.
- L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa ikunu ġranet tat-Tridu. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bil-prietka mid-djaknu Malcolm Saliba.
- Il-Ħadd fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni minn Patri Elmar Pace ofm Cap. Wara toħroġ il-purċissjoni akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju li se tgħaddi minn Misraħ San Filep, Triq Sciortino, Triq Frans Sammut u Triq il-Kbira.
Ħdejn il-bibien tal-knisja hemm leaflet bil-programm u miegħu envelope biex min jixtieq jagħmel offerta b’riżq din il-festa.
Fuljett “Flimkien”
Intom u ħerġin mill-knisja nistedinkom ukoll tieħdu kopja tal-FLIMKIEN tax-xhur Settembru u Ottubru. Ikun apprezzat jekk tistgħu tieħdu kopja lil xi persuni anzjani jew li ma jistgħux joħorġu,A u joqgħodu fil-viċinanza tagħkom.
Ġabra Speċjali
Il-ġabra speċjali li saret il-Ħadd li għadda (3 ta’ Settembru) għall-ħtiġijiet tal-knisja kienet ta’ €1,211. Nirringrazzjakom tal-ġenerożità tagħkom.
Nitolbu għal Victor Azzopardi u Deborah Said li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.