Tletin Ħadd matul is-Sena B

Ħinijiet tal-Quddies

Issa li qlibna għall-ħin tax-xitwa, infakkru li l-ħin tal-quddies filgħaxija ma jinbidilx.

Laqgħa dwar is-Saħħa Mentali

It-Tlieta 29 ta’ Ottubru, fis-7.30pm, il-Kummissjoni Djakonija flimkien mal-Occupational Therapist Maria Daniela Farrugia u Dr Antonella Sammut, konsulenta tas-saħħa pubblika, se jorganizzaw laqgħa ta’ formazzjoni għall-adulti bl-isem “Mental Health Matters”. Il-laqgħa se ssir fis-sala tas-sorijiet. F’din il-laqgħa, il-professjonisti se jgħinuna nagħrfu kif għandna nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna u kif għandna ngħinu lil min hu għaddej minn żminijiet diffiċli.

Festa tal-Qaddisin Kollha

Il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin Kollha u l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikun hawn adorazzjoni fis-skiet minn wara l-quddiesa tas-7.00am li tintemm bil-Barka Sagramentali qabel il-quddiesa tat-8.00am. Fis-6.00pm ikollna quddiesa għat-tfal fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu lit-tfal jiġu lebsin tal-qaddis/a favorit/a tagħhom jew b’ilbies ikkulurit. Wara jkun hemm attività varjata għat-tfal. Navżaw li din se tkun l-unika quddiesa filgħaxija u ma jkunx hawn quddiesa fis-6.30pm. Navżaw ukoll li nhar il-Ġimgħa l-Uffiċċju Parrokkjali se jkun magħluq.

L-Għid tal-Imwiet

Is-Sibt 2 ta’ Novembru, niċċelebraw l-Għid tal-Imwiet. Niftakru f’ħutna l-mejtin. Il-quddies filgħodu jibda fis-6.00am u jkompli kull nofs siegħa bl-aħħar quddiesa tkun fit-8.00am. Fis-5.15pm issir konċelebrazzjoni biex nitolbu għal ħutna l-mejtin, b’mod speċjali dawk li mietu minn Novembru tas-sena l-oħra ’l hawn. Inħeġġu lill-qraba tagħhom biex jieħdu sehem f’din il-quddiesa.

Quddies fiċ-Ċimiterju

Il-Ħadd li ġej, 3 ta’ Novembru, fl-4.00pm ikun hemm quddiesa fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’ u wara jsir it-tberik tal-oqbra. It-tberik taċ-ċimiterju ta’ Sant’Andrija jsir il-Ħadd ta’ wara, 10 ta’ Novembru, fl-10.00am.

Matul ix-xahar ta’ Novembru, iċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ kuljum mis-7.00am sat-3.30pm.

Ġabra b’risq il-Missjoni

Il-ġbir li sar fil-quddies is-Sibt u l-Ħadd li għadda fil-Knisja Arċipretali u fil-knejjes l-oħra b’riżq il-Missjoni kien ta’ €4,600.

Priedka tal-Milied

Infakkru li dawk it-tfal subien u bniet li jixtiequ jagħmlu l-prietka tal-Milied, il-ġenituri tagħhom huma mitluba li jiktbuhom fis-sagristija.

Bake Sale b’risq il-Missjoni

Illum fuq iz-zuntier qed isir Bake Sale (bejgħ ta’ kejkijiet u ħelu) b’risq il-missjoni li grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna se jagħmel fil-Perù. Ħaġa sabiħa li ngħinu f’din l-inizjattiva.

Nitolbu għal Marion Vella, Saviour Cilia u Frances Camilleri, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.