Corpus Domini
Qegħdin niċċelebraw is-Solennita’ tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej (Corpus Domini). Filgħaxija (il-Ħadd) fis-6.00pm, issir quddiesa solenni u wara toħroġ il-purċissjoni bl-Ewkaristija li tgħaddi minn Triq il-Parroċċa, Triq San Ġużepp, Triq Sidtna tal-Anġli, Triq il-Kbira u Misraħ San Filep. Inħeġġiġkom biex nieħdu sehem fil-purċissjoni b’qima u b’imħabba lejn Ġesu’ Ewkaristija. Il-Ħadd filgħaxija l-quddiesa tas-7.00pm ma ssirx.
Għotja tad-demm
Il-Ħadd, 19 ta’ Ġunju bejn it-8.00am u s-1.00pm se jkun hawn il-Mobile Blood Unit biex min jixtieq u jista’ jagħmel offerta tad-demm. Huwa ġest sabiħ u ġeneruż li bih tista’ ssalva l-ħajja ta’ ħaddieħor. Importanti li wieħed jippreżenta l-karta tal-identità.
Laqgħa Lunsill Pastorali Parrokjali
It-Tnejn, 20 ta’ Ġunju, jiltaqa’ l-Kunsill Pastorali Parrokkjali fis-7.30pm.
Adorazzjoni
It-Tlieta fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.
Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’
Nhar il-Ġimgħa niċċelebraw il-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu ikun hawn l-espożizzjoni solenni ta’ Ġesù Ewkaristija għall-adorazzjoni fis-skiet sa nofsinhar. Fis-7.00pm quddiesa solenni u wara toħroġ il-purċissjoni.
Offerta ta’ San Pietru
Is-Sibt u l-Ħadd li ġej 25 u 26 ta’ Ġunju, se issir il-Ġabra magħrufa l-“Offerta ta’ San Pietru”. B’din il-ġabra nkunu qegħdin nuru l-imħabba tagħna lejn il-Papa Franġisku u ngħinuh biex ikun jista’ jifrex dejjem aktar il-ħidmiet tiegħu ta’ Ragħaj tal-Knisja Universali permezz ta’ għotjiet ta’ karità mad-dinja kollha, b’mod speċjali ma’ dawk milqutin minn xi emerġenza, diżastru naturali jew gwerra. Monsinjur Arċisqof iħeġġiġna biex inkunu ġenerużi u nuru l-għaqda tagħna mal-Papa u l-gratitudni tagħna lejh għaż-żjara tiegħu fostna f’April li għadda.
Klabb għall-adolexxenti (għas-Sajf)
Matul dan is-sajf se jsir summer club għall-adolexxenti li twieldu fis-snin 2009 u 2010 (ċjoe’ dawk li huma Form 1 u Form 2 fl-iskola) organizzat miċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Ta’ Warda, bil-għan li l-adolexxenti li jattendu jkomplu jiffurmaw ruħhom f’ambjent tajjeb. Dawk li huma interessati għandhom ikellmu lil Fr Mario Dimech.
Nitolbu għal ħutna Charles Camilleri u Louis Buhagiar, li mietu matul din il-ġimgħa u għall-missirjiet kollha mejtin. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.