Festa Madonna tal-Grazzja
Il-Ħadd, 25 ta’ Settembru, niċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja dedikata lilha. Ikun hemm quddies fis-7.00 u t-8.00 ta’ filgħodu. Fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali.
Laqgħat Azzjoni Kattolika
Minn nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Settembru, jibdew il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika għan-Nisa wara l-waqfa tas-sajf. Il-laqgħat ikunu kull nhar ta’ Erbgħa fid-9.30am fis-sala għand is-sorijiet. Il-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa tibda b’quddiesa.
Griżma ta’ l-Isqof
Nhar is-Sibt, 1 ta’ Ottubru, fil-5.00pm jiġi iċ-ċelebrat is-Sagrament tal-Griżma. Il-quddiesa tal-5.30pm ser issir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus). Inħeġġiġkom biex f’dawn il-ġranet nitolbu b’mod speċjali għal dawk li ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma.
Festa San Franġisk
Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk, nhar il-Ħadd 2 ta’ Ottubru, qed nistiednu lit-tfal biex iġibu l-pets u l-annimali tagħhom biex jitbierku fil-quddiesa tal-10.00am li se tkun iċċelebrata fuq iz-zuntier tal-knisja. Qed nistiednu lit-tfal biex iġġibu magħhom ikel tal-annimali biex dan jingħata lill-għaqdiet li jgħinu annimali abbandunati.
Festa Madonna tar-Rużarju
L-Erbgħa, l-Ħamis u l-Ġimgħa (5-7 ta’ Ottubru) ikunu ġranet tat-Tridu.
- Fis-6.30pm jingħad ir-Rużarju quddiem Ġesu Sagramentat u fis-7.00 quddiesa kantata.
- Il-Ħadd filgħaxija, fl-4.30pm tingħad it-talba tal-Għasar, fil-5.00pm quddiesa kantata bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u wara purċissjoni bix-xbieha tal-Madonna akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju li ser tgħaddi minn dawn it-toroq; Sant’Antin, Mamo, Santu Rokku u l-Kbira. Wara l-purċissjoni jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm.
Sejħa għal Abbatini
Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.
Playgroup għat-Tfal
Il-Moviment ta’ Kana qed jorganizza Playgroup għat-tfal ta’ bejn sena u 3 snin kull nhar ta’ Tnejn fiċ-Ċentru Ta’ Warda mill-10 ta’ Ottubru ’l quddiem. Iktar dettalji fuq in-noticeboards.
Il-parroċċa qed torganizza ġita ta’ ġurnata għal Sqallija nhar is-Sibt 22 ta’ Ottubru. Booking u iktar informazzjoni mingħand il-membri tal-Grupp tal-Fundraising jew mis-sagristija.
Nitolbu għal oħtna Ludgarda Bezzina, li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.