L-Arċipriet il-ġdid għas-snin li ġejjin se jkun Fr Albert Buhagiar. Fr Albert Buhagiar twieled f’Ħal Tarxien fid-19 ta’ Awwissu tal-1964. Fr Albert serva bħala viċi Kappillan fil-Parroċċa tal-Gżira u fil-Parroċċa taż-Żejtun. Fl-1996 ġie appuntat segretarju privat tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Huwa kien ukoll arċipriet tal-Parroċċi tas-Siġġiewi u tal-Mosta. F’Jannar tal-2017 nħatar bħala Rettur tas-Seminarju tal-Arċisqof.
Issa li tħabbret din in-nomina, jiskatta il-proċess ta’ transizzjoni tal-Parrokkjat tal-Arċipriet Fr Daniel, għal dak ta’ Fr Albert, l-arċipriet il-ġdid.
Din it-transizzjoni (ħandover) se ssir fuq tlett xhur u se ssir hekk:
- Fr Albert fix-xahar ta’ Lulju se jagħti handover lil ta’ warajh, fejn kien qed iservi bħala Rettur tas-Seminarju.
- Fix-xahar ta’ Awwissu wara li jieħu ftit ġranet ta’ mistrieħ, tibda’ il- handover min-naħa ta’ Fr Daniel li se tikkonsisti f’diversi laqgħat ma’ l-Kleru, il-Kunsill Pastorali Parrokkjali, il-Kummissjonijiet, l-Għaqdiet u l-gruppi fi ħdan il-parroċċa.
Fr Daniel se jibqa’ amministratur tal-Parroċċa sas-17 ta’ Ottubru 2021, fejn dakinhar fis-7.00pm jiċċelebra l-aħħar quddiesa ta’ radd il-Ħajr lil Alla u lill-poplu Żebbuġi.
Fr Albert imbagħad jieħu l-amministrazzjoni tal-Parroċċa f’idejh u eventwalment titħabbar id-data meta b’mod uffiċċjali jieħu il-pusses tal-Parroċċa. Tajjeb li nilqgħu b’qalb miftuħa lill-Arċipiriet il-ġdid meta jibda’ jiġi fostna.
Fr Daniel jixtieq jirringrazzja lil kull min ċempillu, kelmu jew bagħtlu messaggi, kemm personali kif ukoll fuq il-midja soċjali, ta’ apprezzament għall-ħidma tiegħu f’dawn il-ġranet issa li qed joqrob lejn it-tmiem il-parrokkjat tiegħu.
Fr Daniel se jkun għal numru ta’ xhur fuq żmien sabbatiku, fejn ser jagħmel diversi esperjenzi pasotrali fi xtutna, u barra minn xtutna.
Inħabbru wkoll li se jkollna viċi-arċipriet ġdid ukoll li se jibda’ jservi fil-parroċċa tagħna. Il-viċi-Arċipriet il-ġdid se jkun Fr Mario Dimech, mis-Siġġiewi, li għal dawn l-aħħar 10 snin serva bħala viċi-Arċipriet fil-parroċċa tal-Mellieħa. Fr Mario għandu jingħaqad magħna ukoll minn Awwissu.