It-Tieni Ħadd tal-Avvent – Sena Ċ

Mixgħela tas-Siġra tal-Milied

Il-Ħadd, 8/12 fis-6.15pm, issir il-mixgħela tas-Siġra tal-Milied fil-pjazza.  Wara jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm li se tkun animata b’mod speċjali għaż-żgħażagħ f’dan iż-żmien li jippreparana għall-Milied.

Bejgħ ta’ ħlewwiet tal-Milied u punsjetti b’risq il-missjoni fil-Perù

F’dan it-tmiem il-ġimgħa, fuq iz-zuntier qed isir bejgħ ta’ ħlewwiet tal-Milied u punsjetti b’risq il-missjoni fil-Perù, minn grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna. Ħaġa sabiħa li ngħinuhom f’din l-inizjattiva. 

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta, 10/12 fid-9.30am jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja. Il-laqgħa se ssir fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-sorijiet.

Laqgħa Grupp San Piju

L-Erbgħa. 11/12 jkun hawn il-laqgħa tal-Grupp ta’ San Piju li tibda fis-6.00pm bir-Rużarju fil-Knisja Arċipretali u tkompli bil-quddiesa tas-6.30pm.

Il-Kċina ta’ Marta

Matul dan iż-żmien tal-Avvent u l-Milied, il-parroċċa tagħna se tkun qed tgħin fl-inizjattiva tal-Kċina ta’ Marta li s-Segretarjat tal-Karita’ fi ħdan l-Arċidjoċesi qed jorganizza biex joffri ikel ta’ kuljum lil persuni u familji fil-bżonn. Għaldaqstant, min jixtieq jgħin f’din l-inizjattiva, jista’ jġib affarijiet ta’ ikel u jpoġġihom ħdejn l-altar tal-Kunċizzjoni. Min irid jista’ wkoll jagħmel offerta ta’ flus għall-istess skop fl-envelopes li hemm ħdejn il-kaxxi li hawn ħdejn l-altar u jixħet l-offerta fil-kaxxi jew jgħaddiha lil xi ħadd mis-saċerdoti.

Adorazzjoni u talb għall-Vokazzjonijiet

Is-Sibt li ġej, 14 ta’ Diċembru, fis-Seminarju Tal-Virtù, ir-Rabat, se ssir adorazzjoni u quddiesa b’talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali. Għal min jixtieq jattendi, l-adorazzjoni tibda fis-6.00pm.

Kunċert tal-Milied

Is-Sibt 21 ta’ Diċembru, fil-Knisja Arċipretali se ikun hawn Kunċert tal-Milied mill-Joy Gospel Singers. Miegħu se jingħaqdu madwar tletin tifel u tifla mill-parroċċa tagħna. Inħeġġiġkom biex tattendu u tistiednu l-ħbieb tagħkom ukoll. Id-dħul se jkun bla ħlas; pero’ fi tmiem il-kunċert wieħed huwa mistieden jagħmel offerta b’risq id-Dar tal-Providenza.

Ġabra Speċjali

Fl-okkażjoni tal-ewwel Ħadd tax-Xahar, issir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja b’mod speċjali għall-ispejjeż li jsiru fil-festi li ġejjin tal-Milied u l-proġett ta’ toilets ġodda li issa jinsabu lesti. Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.

Nitolbu għal Grace Mizzi u Emanuel Agius li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Kellna wkoll funeral tat-tarbija Edmund Galea Xuereb.