Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan – Sena B

Direttivi rigward miżuri ta’ prevenzjoni ta’ tixrid tal-imxija tal-COVID-19 mill-11 ta’ Marzu sal-11 ta’ April 2021 

L-Isqfijiet qed joħorġu dawn id-direttivi bi qbil ma’ l-awtoritajiet tas-saħħa. Ksur ta’ dawn il-miżuri jista’ jipperikola s-saħħa pubblika:

M’għandha ssir ebda attività miftuħa għall-pubbliku, inkluż attivitajiet reliġjużi,  għajr dawk stipulati f’dawn id-direttivi.  Il-knejjes jistgħu jibqgħu miftuħa għall-qima tal-pubbliku u jista’ jkun hemm  Ġesù espost. M’għandux ikun hemm talb komunitarju organizzat għal dawk li  jattendu, inkluż il-barka sagramentali.  

Waqt li l-knisja tkun miftuħa għandu jkun hemm min jara li kull min jidħol ma  jkollux temperatura ta’ 37.2°C jew għola, japplika sanitiser u jara li ma jinqabiżx in-numru massimu ta’ persuni permissibbli fil-knisja (persuna għal  kull 4 metri kwadri). Dawk li jitolbu li jirċievu l-Ewkaristija jistgħu jitqarbnu. Madankollu m’għandux  ikun hemm mument għat-tqarbin organizzat.  Is-sagrament tal-qrar jista’ jibqa’ jiġi amministrat kemm-il darba jibqgħu  jinżammu l-miżuri stabiliti.  

Għaldaqstant, il-Knisja Arċipretali se tkun miftuħa għal talb privat mis-7:00am – 8:30.am, u mis-6:00pm – 7:00pm

Iċ-Ċenaklu se jkun miftuħ mis-7:00am – 8:00pm

Funerali 

Il-Funerali jistgħu jsiru bil-quddiesa meta dawn ikunu presente cadavere. 

Il-funerali għandhom isiru b’osservanza stretta tal-miżuri kollha stipulati  għall-quddies u b’numru ristrett ta’ nies. 

Il-kapaċità massima ta’ dawk li jattendu m’għandiex tkun aktar minn persuna  waħda għal kull erba’ metri kwadri tal-ispazju tal-knisja u mhux aktar minn mitt  (100) persuna inkluż is-saċerdoti u dawk li qed jagħtu servizz. Biex dan jitħares  għandhom jinħarġu biljetti minn qabel biex jitqassmu minn tal-familja. Nies  mingħajr biljett m’għandhomx jitħallew jidħlu. 

 Kif tintemm il-quddiesa joħorġu s-saċerdot, it-tebut, u dawk li ħa jakkumpanjaw  il-korteo għaċ-ċimiterju. Il-kumplament tan-nies preżenti għall-quddiesa  għandhom joħorġu mill-knisja ġaladarba l-korteo jkun telaq u ma jiqfux jitkellmu  bejniethom.  

 Żwiġijiet 

Iż-żwiġijiet jistgħu jsiru b’osservanza stretta tal-miżuri kollha stipulati għall-quddies, u b’numru ristrett ta’ nies. 

Il-kapaċità massima ta’ dawk li jattendu m’għandiex tkun aktar minn persuna  waħda għal kull erba’ metri kwadri tal-ispazju tal-knisja u mhux aktar minn mitt  (100) persuna li jinkludu l-għarajjes, ix-xhieda, u l-persuni l-oħra li jassistu lill għarajjes. Biex dan jitħares għandhom jinħarġu biljetti minn qabel biex  jitqassmu minn tal familja. Nies mingħajr biljett m’għandhomx jitħallew jidħlu. 

 Magħmudijiet 

Rigward talbiet biex is-sagrament tal-magħmudija jigi amministrat lit-trabi,  nħeġġu lill-ġenituri li dan ir-rit jiġi ċċelebrat mal-qraba u l-komunità parrokkjali.  Dan jista’ jseħħ kemm-il darba s-sagrament jiġi ċċelebrat wara l-11 ta’ April  2021.  

Madankollu, jista’ jkun hemm każ fejn il-ġenituri ma jħossux li jkun opportun li  wieħed jistenna li jgħaddi dan iż-żmien biex issir il-magħmudija. F’dawn  il-każijiet għandu jsir biss ir-rit tal-magħmudija (mingħajr il-quddiesa jew liturġija  tal-Kelma). Fil-knisja għandu jkun hemm biss is-saċerdot, it-tarbija, il-ġenituri u  ħut it-tarbija, u l-parrini. Bħala prevenzjoni, ir-rit ma għandux jieħu fit-tul.  

Infakkru li hu importanti ħafna li anki f’dawn iż-żminijiet jibqgħu jiġu osservati  l-proċeduri rikjesti tas-soltu.

Nitolbu għall-ħutna Carmen Bigeni, Carmela Psaila, Mary Lucy Micallef, Charlie Galea u Peter Attard li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem matul din il- ġimgħa. Agħtihom o Mulej id-dawl ta’ dejjem.

Leave a Reply