Pellegrinaġġ tal-Ġubblew
Nhar il-Ġimgħa (17 ta’ Jannar) nibdew bl-ewwel attività marbuta mas-sena tal-Ġublew, b’pellegrinaġġ mill-Kappella ta’ Santu Rokku għas-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù. F’dan il-pellegrinaġġ se jieħdu sehem ħutna nsara Kopti li jiltaqgħu regolarment fis-Santwarju. Il-pellegrinaġġ jibda fil-5.30pm mill-Kappella ta’ Santu Rokku sas-Santwarju, fejn issir adorazzjoni bis-sehem tal-Kopti u wara jkun hemm quddiesa. Kif tintemm l-attività, se jkun hemm minibus biex min ikollu diffikultà ikun jista’ jasal lura fil-pjazza ħdejn il-knisja parrokkjali jew bnadi oħra mbegħda f’Ħaż-Żebbuġ.
Għal min ma rċeviex fuljett dwar il-Ġublew tat-Tama li ħareġ mill-parroċċa, wieħed jista’ jieħu kopja minn ħdejn il-bibien tal-knisja. F’dan il-fuljett issibu programm tal-attivitajiet li se jsiru matul din is-sena.
Ġimgħa ta’ Talb
Mis-Sibt 18 sas-Sibt 25 ta’ Jannar, meta niċċelebraw il-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, tibda l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost il-Knejjes Insara mad-dinja kollha. Xieraq li f’għaqda mal-Knisja Universali nitolbu biex il-knejjes insara differenti jkunu dejjem iżjed ħaġa waħda bejniethom.
Ġabra sabiħa – Grazzi
Il-ġabra li saret fil-weekend li għadda, fl-ewwel Ħadd tax-xahar, kienet ta’ €1,300. Minkejja li ma sar ebda avviż, xorta kienet ġabra sabiħa. Grazzi tal-għajnuna u l-offerti tagħkom.
Nitolbu għal ħutna Maria Attard, Carmen Zahra u Ġużeppi Said, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.