Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja
It-Tlieta, 17 ta’ Mejju, fid-9.30am jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fis-Sala għand is-Sorijiet. Fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.
Adorazzjoni
Il-Ħamis fis-6.30pm ikun hawn l-adorazzjoni bit-tema tal-liturġija tas-Sitt Ħadd tal-Għid.
L-Ewwel Tqarbina
Is-Sibt li ġej fis-6.00pm ikollna l-Ewwel Tqarbina. Minħabba li l-Knisja se tkun okkupata, nhar is-Sibt il-quddies tal-5.30pm u tas-7.00pm se jsiru fis-Sala Dun Mikiel Xerri (id-Domus).
Il-Ħadd ukoll ikun hawn l-Ewwel Tqarbina fid-9.30am u fil-5.00pm. Filgħodu dakinhar ma jkunx hawn il-quddiesa tad-9.00am. Il-quddiesa tal-10.00am issir fis-Sala Dun Mikiel Xerri (id-Domus).
Bi preparazzjoni għall-Ewwel Tqarbina, il-Ġimgħa filgħaxija mis-6.00pm sas-7.30pm u s-Sibt filgħodu mit-8.00am sal-10.00am se jkun hawn il-qrar b’mod speċjali għat-tfal u l-ġenituri.
Sejħa għal reffiegħa għall-vara ta’ San Filep u għal fratelli
Dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vara ta’ San Filep huma mitluba li jimlew formola fis-sagristija. Qed issir sejħa għal dawk il-fratelli li jixtiequ jakkumpanjaw fil-purċissjoni tat-Translazzjoni lejlet il-festa li se ssir mill-Knisja tal-Anġli. Min hu interessat għandu javviċina lill-Arċipriet.
Intenzjonijiet tal-Quddies
Dawk li jixtiequ jiktbu l-intenzjonijiet tal-quddies ghax-xhur ta’ bejn Lulju u Diċembru, huma mitluba jidħlu fis-sagristija u jkellmu lil xi ħadd mis-saċerdoti.
Ġabra għall-karita’
Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda għall-Karità kienet ta’ €1,606. Grazzi lil kulħadd.
Xogħol ta’ restawr u proġetti fil-Parroċċa
Dan l-aħħar ġew restawrati u mnaddfa erba’ Lanterni tas-Sagrament li huma xogħol tas-seklu 18 maħduma fil-fidda. Beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-koppla. Wara l-festa għandu jibda r-restawr tal-kwadru tal-Erwieħ. F’dawn il-ġranet ukoll sar titjib fuq is-sistema tas-sound tal-knisja.
Nitolbu għal ħuna Emanuel Attard, li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.