Disgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena B

Rużarju fil-Beraħ

Il-Leġjun ta’ Marija se jorganizza Rużarju fil-beraħ minn għada t-Tnejn (21/10) sa nhar il-Ġimgħa li ġej fil-pjazza ta’ Ħal Dwieli. Ir-Rużarju jibda fis-6.00pm u l-Ġimgħa jkun hemm quddiesa fil-pjazza wara r-Rużarju. Inħeġġu lil min jista’ sabiex jattendi, b’mod speċjali lil dawk li joqogħdu f’din iż-żona.

Adorazzjoni

It-Tlieta (22/10) fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin

Il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru, se ssir laqgħa għall-koppji miżżewġin, fis-7.00pm, fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali, organizzata mill-Kummissjoni Familja. Il-kelliem se jkun Fr Ivan Attard OP.

Kunċert Kommemorattiv mill-Banda San Filep

Il-Ġimgħa wkoll se jittella’ Kunċert Kommemorattiv mill-Għaqda Każin Banda San Filep fil-Knisja Arċipretali. Min jixtieq jattendi huwa ġentilment mitlub li jkun fil-knisja fis-7.30pm. Kulħadd huwa mistieden.

Festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja

Nhar il-Ħadd li ġej 29 ta’ Ottubru niċċelebraw il-festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja. Festa li tfakkarna li l-Knisja hija aħna, il-poplu ta’ Alla, li niġu f’dan il-post qaddis biex nagħtu qima lil Alla. Il-quddiesa tal-5.15pm is-Sibt tkun kantata u l-Ħadd il-quddiesa tad-9.30am tkun animata għat-tfal b’din it-tema.  

Festa tal-Qaddisin Kollha

Il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin Kollha, se ssir quddiesa għat-tfal kollha fil-Knisja Arċipretali fis-6.00pm. Nistiednu lit-tfal jiġu lebsin tal-qaddis/a favorit/a tagħhom jew b’ilbies abjad. Wara l-quddiesa jkun hemm attività varjata għalihom fuq iz-zuntier.

Ġabra għall-Missjoni

Il-Knisja, mad-dinja kollha, illum qed tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. L-Opri Missjunarji Pontifiċji (illum magħrufin bħala MISSIO) jgħinu diversi missjunarji, kemm Maltin u oħrajn, li jitolbu għajnuna biex jibnu knejjes, iżommu skejjel, iwaqqfu sptarijiet u jikkuraw morda, jassistu u jilqgħu fi djar apposta familji u tfal abbandunati u jipprovdulhom il-bżonnijiet l-aktar essenzjali. Għaldaqstant, bil-ġbir li jsir fil-quddies ta’ dan it-tmiem il-ġimgħa, inkunu qed ngħinu din il-ħidma missjunarja tal-Knisja f’dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonn ħafna assistenza.

Nitolbu għal ħutna Antonia Attard u Noè Farrugia, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.