Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Sena A

Bake Sale b’risq il-missjoni fl-Albanija

Il-Ħadd, 21 ta’ Mejju, ser isir Bake Sale (bejgħ ta’ kejkijiet u ħelu) fuq iz-zuntier b’risq il-missjoni li grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna se jagħmel ġewwa l-Albanija. Fl-istess ħin għaddej ukoll Bazaar fiċ-Ċentru Ta’ Warda għall-istess għan. Ħaġa sabiħa li ngħinu f’din l-inizjattiva.

Pellegrinaġġ għall-Kappella tal-Viżitazzjoni

Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju, il-Leġjun ta’ Marija se jorganizza pellegrinaġġ u quddiesa fil-kappella tal-Viżitazzjoni f’Wied Qirda. Il-pellegrinaġġ jibda fis-6.00pm minn ħdejn l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes, fi Triq is-Siġġiewi, u wara ssir quddiesa fil-kappella msemmija. Kulħadd mistieden jattendi, b’mod speċjali l-membri Awżilarji.

Laqgħa għall-koppji miżżewġa

Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Familja tistieden lill-koppji miżżewġin għal laqgħa li se jmexxiha Fr Mario Dimech. Il-laqgħa se ssir fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali) fis-7.00pm.

L-Ewwel Tqarbina

Nhar il-Ħadd 28 ta’ Mejju, numru sabiħ ta’ tfal se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. It-tfal subien fid-9.30am u l-bniet fil-5.00pm. Minħabba l-Preċett, fid-9.30am se ssir quddiesa fid-Domus.

Bi preparazzjoni għall-Ewwel Tqarbina, se jkun hawn il-qrar għall-ġenituri u għat-tfal, il-Ġimgħa filgħaxija mis-6.00pm sat-8.00pm, kif ukoll is-Sibt filgħodu mit-8.00am sal-10.00am u filgħaxija mill-4.30pm sas-7.30pm.

Tqassim tal-Fuljett

Nitlob lil dawk li s-soltu jgħinu fit-tqassim tal-fuljett tal-festa sabiex jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tat-toroq li jqassmu s-soltu. Jekk hawn min jista’ jgħin fit-tqassim mitlub ukoll jagħti ismu fis-sagristija u x’toroq jista’ jqassam fihom. Nirringrazzja lil kull min lest li jgħin f’din il-ħidma.

Trasport għall-anzjani għall-quddies fil-ġimgħa tal-festa

Dawk li għandhom xi anzjani li jixtiequ jiġu għall-quddiesa speċjali għalihom fil-ġimgħa tal-festa, it-Tlieta 6 ta’ Ġunju, fid-9.30am, u għandhom bżonn trasport, nitlob lil xi ħadd mill-familjari jagħtuna isimhom fis-sagristija. Dawk ukoll li għandhom xi qraba emigranti li se jkunu fostna fil-jiem tal-festa, nitolbukom ukoll sabiex tgħaddu l-ismijiet tagħhom fis-sagristija.

Nitolbu għal ħutna Louis Chircop, Carmen Dalli u Antonia Pisani, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Is-Sitt Ħadd tal-Għid – Sena A

Jum l-Omm

Qegħdin niċċelebraw Jum l-Omm. Il-quddiesa tad-9.30am se tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Infakkru li ċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ mis-7.00am sat-3.30pm.

Adorazzjoni

It-Tlieta 16 ta’ Mejju, fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.

Ħarġa għas-Seminarju

Il-Ħamis 18 ta’ Mejju filgħodu, se ssir ħarġa li tibda b’quddiesa fil-Kappella tas-Seminarju b’talb għall-ommijiet ħajjin u mejtin, u wara tkompli l-ħarġa sal-Imġarr. Min jixtieq jattendi jkellem lil Carmen Cilia.

Laqgħa għall-ġenituri tat-tfal li ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina

Il-Ħamis 18 ta’ Mejju wkoll, se ssir l-aħħar laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina dan ix-xahar. Il-laqgħa se ssir fid-Domus fis-7.00pm.

Reffiegħa Festa San Filep

Nerġgħu nfakkru li dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vara ta’ San Filep huma mitluba li jimlew formola fis-sagristija u jippreżentaw kopja tal-Karta tal-Identità. Qed issir sejħa għal dawk il-fratelli li jixtiequ jakkumpanjaw fil-purċissjoni nhar il-festa. Min hu interessat għandu javviċina lill-Arċipriet.

Intenzjonijiet tal-Quddies

Dawk li jixtiequ jiktbu l-intenzjonijiet tal-quddies għax-xhur ta’ bejn Lulju u Diċembru, huma mitluba jidħlu fis-sagristija u jkellmu lil xi ħadd mis-saċerdoti.

Ġabra għall-Knisja

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda għall-knisja kienet ta’ €1,624. Grazzi lil kulħadd.

F’din il-ġurnata speċjali ta’ Jum l-Omm, nitolbu għall-ommijiet kollha u niftakru f’dawk li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem.

Il-Ħames Ħadd tal-Għid – Sena A

Laqgħa Grupp Padre Pio

It-Tlieta 9 ta’ Mejju fl-4.30pm jiltaqa’ l-Grupp ta’ Padre Pio. Il-laqgħa tkun bil-quddiesa.

Festa San Ġorġ Preca

It-Tlieta wkoll niċċelebraw il-festa ta’ San Ġorġ Preca. Fis-6.15pm nibdew b’feature dwar il-qaddis u wara tkompli l-quddiesa animata mis-Soċjetà tal-MUSEUM.

Inawgurazzjoni Kwadru tal-Erwieħ

L-Erbgħa 10 ta’ Mejju wara l-quddiesa ta’ filgħaxija issir l-inawgurazzjoni tal-Kwadru tal-Erwieħ wara r-restawr.

Festa Liturġika San Filep

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Mejju, niċċelebraw il-festa liturġika tal-Patrun tagħna San Filep. Fid-9.30am ikun hawn quddiesa għat-tfal tal-iskola primarja u wara ssir purċissjoni mit-tfal sal-iskola. Fis-6.00pm tingħad it-talba tal-Għasar, waqt li fis-6.30pm ikollna l-quddiesa solenni tal-festa mmexxija minn Mons. Frans Abdilla. Fi tmiem il-quddiesa tingħad il-Litanija, titkanta l-Antifona lil San Filep u tingħata l-Barka Sagramentali.

Jum l-Omm

Nhar il-Ħadd 14 ta’ Mejju se niċċelebraw Jum l-Omm u għalhekk il-quddiesa tad-9.30am se tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Inħeġġu lill-familji bit-tfal biex jieħdu sehem. Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm iċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ is-Sibt u l-Ħadd mis-7.00am sat-3.30pm.

Ħarġa għall-Marsaskala

Nhar it-Tlieta 16 ta’ Mejju se ssir ħarġa għal Marsaskala. Tibda b’quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Wied il-Għajn u wara attività soċjali. Tluq fid-9.00am minn ħdejn il-Posta. Dawk li huma interessati, ikellmu lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-Fundraising.

Reffiegħa Festa San Filep

Infakkru li dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vara ta’ San Filep huma mitluba li jimlew formola fis-sagristija u magħha jippreżentaw kopja tal-ID card. Jekk hawn min se jieħu sehem fil-purċissjoni ta’ San Filep nhar il-festa hu mitlub ikellem lill-Arċipriet sal-14 ta’ Mejju.

Ġabra għall-Karita’

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda għall-Karità kienet ta’ €2,150. Grazzi lil kulħadd.

Nitolbu għal Ġużu Agius, Mikiel Pace u Ġużeppa Gatt, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid – Sena A

Jum il-Vokazzjonijiet

Il-Ħadd, 30 ta’ April, il-Knisja Universali tiċċelebra Jum il-Vokazzjonjijiet. Huwa dmir tagħna li nitolbu biex is-sejħa li l-Mulej jagħmel lil xi wħud għas-saċerdozju tkun milqugħa.

Ġabra f’Jum il-Karità

Id-Djoċesi ta’ Malta qed tiċċelebra Jum il-Karità. Għaldaqstant il-ġbir kollu li jsir fil-quddies ikun l-offerta tagħna biex ngħinu diversi ħidmiet u inizjattivi ta’ karità li twettaq il-Knisja permezz ta’ Djar u Istituzzjonijiet li joffru servizz u għajnuna lil persuni u familji fil-bżonn.

Adorazzjoni s-Seminarju

Il-Ħamis, 4 ta’ April il-parroċċa tagħna ġiet mistiedna mis-seminarju biex nieħdu sehem fl-adorazzjoni li ssir kull l-ewwel Ħamis tax-xahar fil-Kappella tas-Seminarju li fiha jsir talb speċjali għall-vokazzjonijiet u għas-seminaristi li qegħdin fil-formazzjoni. L-adorazzjoni tibda fis-6.30pm u wara jkun hemm quddiesa. Min jixtieq juża t-trasport li qed torganizza l-parroċċa jinkiteb fis-sagristija sa nhar l-Erbgħa filgħodu.

Quddiesa u Adorazzjoni

Il-Ġimgħa, 5 ta’ April, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, wara l-quddiesa tas-7.00am ikun hawn adorazzjoni fis-skiet sa qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Reġistrazzjoni tat-tfal għall-Kinder

L-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ tixtieq tinfurmakom li qed tilqa’ reġistrazzjonijiet tat-tfal għall-ewwel sena tal-Kinder. Dawk il-ġenituri li għandhom tfal li twieldu fis-sena 2020 jistgħu jiġbru l-applikazzjoni mill-iskola. Dawn it-tfal jibdew skola f’Ottubru 2023. Għal aktar informazzjoni ċemplu fuq 2598 7660 / 80. 

Restawr tal-Koppla

Ix-xogħol tar-restawr fuq il-koppla, flimkien ma’ sistema ġdida li ddawwalha waslu fit-tmiem. Din il-ġimgħa wkoll għandu jinġieb il-kwadru tal-Erwieħ mir-restawr u tinkixef il-prospettiva wara t-tindif u x-xogħol li sar fuqha. Il-kwadru se jkun inawgurat fl-10 ta’ Mejju filgħaxija. Grazzi lil kull min ta s-sehem tiegħu u kull min jixtieq ikompli jgħin fl-ispejjez li saru f’dawn ix-xogħlijiet.

Reffiegħa għall-festa ta’ San Filep

Dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vara ta’ San Filep huma mitluba li jieħdu formola mis-sagristija u jirritornawha lura mimlija flimkien ma’ fotokopja tal-karta tal-identita’. Jekk hawn xi fratelli li lesti jieħdu sehem fil-purċissjoni ta’ San Filep nhar il-festa huma mitluba jkellmu lill-Arċipriet sal-14 ta’ Mejju.  

Nitolbu għal ħutna Giovanna Zahra u Melda Muscat li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tielet Ħadd tal-Għid – Sena A

Attivita’ għat-Tfal

Nhar it-Tnejn, it-Tlieta u l-Ħamis (24, 25 u 27 ta’ April) se ssir attività fil-Knisja Arċipretali għat-tfal li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Il-ħin ikun fil-5.30pm. Inħeġġu lill-ġenituri biex iġibu lil uliedhom fil-ġurnata indikata lilhom miċ-Ċentru fejn jattendu d-duttrina.

Jum il-Karita’

Nhar il-Ħadd li ġej id-Djoċesi ta’ Malta tiċċelebra Jum il-Karità. Għaldaqstant il-ġbir kollu li jsir fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej ikun l-offerta tagħna biex ngħinu diversi ħidmiet u inizjattivi ta’ karità li twettaq il-Knisja permezz ta’ Djar u Istituzzjonijiet li joffru servizz u għajnuna lil persuni u familji fil-bżonn.

Ġita għall-Polonja

Dawk li nkitbu għall-ġita li se ssir f’Awwissu għall-Polonja, jew dawk li huma interessati li jibbukkjaw għaliha, huma mitluba jkellmu lill-Arċipriet.

Nitolbu għal ħutna Mary Ciantar, Ġuża Borg u Jane Farrugia, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tieni Ħadd tal-Għid – Sena A

Festa tal-Ħniena Divina

Qegħdin nagħmlu l-festa tal-Ħniena Divina. Fil-5.30pm ikun hawn il-quddiesa u wara tkompli l-Adorazzjoni bil-Kurunella u t-talba tal-Ħniena Divina u barka Sagramentali.

Fil-kappella tal-Lunzjata fi Triq il-Kbira qed issir il-festa. (Is-Sibt u l-Ħadd filgħaxija) Ikun hemm Rużarju fis-6.30pm u quddiesa fis-7.00pm.

Adorazzjoni

Nhar it-Tlieta 18 ta’ April fl-10.00am issir l-adorazzjoni fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-sorijiet animata mis-Superjur Joe Fenech.

Nhar il-Ħamis fis-6.00pm, fil-Knisja Arċipretali ikun hawn l-Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat. Nistednukom tieħdu sehem fiha u nitolbu b’mod speċjali għas-seminarista Malcolm Saliba li s-Sibt li ġej 22 ta’ April se jiġi ordnat djaknu. Iċ-ċerimonja se ssir fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt u tibda fid-9.30am. Għal min jixtieq jattendi qed jiġi organizzat trasport li jitlaq minn ħdejn il-posta fit-8.30am. Min hu nteressat jinkiteb fis-sagristija.

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin

Il-Ġimgħa 21 ta’ April, il-Kummissjoni Familja se torganizza laqgħa għall-koppji miżżewġin fis-Sala ta’ Dar San Ġużepp għand is-Sorijiet, fis-7.00pm. Tmexxi l-laqgħa Ms Anna Micallef mill-Caritas. Id-diskussjoni se tkun dwar kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-koppja u l-familja.

Quddies fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu

Navżaw li l-quddiesa fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ matul il-ġimgħa, is-Sibtijiet u l-Ħdud qed tkun fis-6.15pm.

Ġabra għad-dar tal-Kleru

Il-ġabra li saret f’Ħamis ix-Xirka għad-Dar tal-Kleru kienet ta’ €708; mill-Karus ta’ Mħabba nġabru €408; u l-offerti li nġabru fil-Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju organizzata mill-Azzjoni Kattolika kienu ta’ €645. Il-ġbir li sar fil-quddies nhar l-Għid kien €2,021. Din il-ġabra kienet ta’ għajnuna għall-ispejjeż li saru fil-festi tal-Għid.

Fuljett ‘Flimkien’

Tistgħu tieħdu kopja tal-Flimkien (April u Mejju) minn ħdejn il-bibien tal-knisja.

Ġita għall-Polonja

Se tiġi organizzata ġita mill-parroċċa għall-Polonja mis-17 sal-24 ta’ Awwissu. Min hu interessat fiha jkellem lill-Arċipriet.

Nitolbu għal ħutna Maria Stella Gatt, Phyllis Baldacchino, Mikiel Farrugia u Mary Cutajar, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħadd il-Għid – Sena A

Ħadd il-Għid

Fid-9.00am toħroġ il-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt. Fid-9.30am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.

Żjara Dar tal-Kleru

Nhar it-Tlieta 11 ta’ April, filgħodu se ssir żjara għad-Dar tal-Kleru. It-trasport jitlaq fid-9.00am minn ħdejn l-iskola. Min jixtieq jattendi jkellem lil Carmen Cilia.

Laqgħa Padre Pio

Nhar it-Tlieta 11 ta’ April filgħaxija jmiss laqgħa oħra tal-Grupp ta’ San Pio. Il-laqgħa tkun fl-4.30pm bil-quddiesa.

Via Lucis

Il-Ħamis 13 ta’ April fis-6.00pm se ssir il-Via Lucis b’meditazzjonijiet fuq il-misteru tal-Qawmien ta’ Kristu.

Festa Ħniena Divina

Nhar il-Ħadd 16 ta’ April niċċelebraw il-Festa tal-Ħniena Divina. Fil-5.30pm ikollna quddiesa kantata u wara tkompli adorazzjoni.

Festa tal-Lunzjata

Is-Sibt u l-Ħadd 15 u 16 ta’ April issir il-festa tal-Lunzjata fil-Kappella dedikata lilha. F’dawn il-jumejn ikun hemm Rużarju fis-6.30pm u Quddiesa fis-7.00pm.

Ringrazzjament għas-sehem f’dawn il-festi tal-Għid

Nixtiequ nirringrazzjaw:

  • Il-Kunsill Lokali u l-Pulizija għad-disponibbiltà u s-servizz tagħhom f’dawn il-ġranet.
  • Il-Kumitat responsabbli mill-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li rsista u ħadem ħafna.
  • Il-Każin Banda San Filep u 12th May Band Club li taw sehemhom fil-purċissjonijiet.
  • Dawk li offrew li jieħdu sehem u jgħinu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
  • Is-saċerdoti, il-kor u l-abbatini għas-sehem tagħhom waqt il-funzjonijiet liturġiċi.
  • Is-sagristani u helpers li jarmaw il-knisja.
  • Il-grupp tan-nisa li jieħdu ħsieb it-tindif tal-knisja.
  • Dawk li jieħdu ħsieb id-daqq tal-qniepen.

F’isem il-Kleru u l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, nawgura lil kulħadd l-Għid it-tajjeb.  

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret il-Ħadd li għadda kienet ta’ €1,472. Nirringrazzjawkom.

Nitolbu għal Carmelo Cuschieri u Maria Dolores Xuereb, li għaddew għal ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħadd il-Palm – Sena A

Ġimgħa Mqaddsa

Qegħdin nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tifkira solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Għada (illum) fid-9.00am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa.  

Programm tal-Ġimgħa Mqaddsa għal din il-ġimgħa

  • It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa jkollna dan il-programm: fis-6.10pm ngħidu flimkien it-talba tal-Għasar, fis-6.30pm il-quddiesa u wara jkompli mument ta’ talb quddiem Ġesù Ewkaristija.  
  • Nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu ma jkunx hawn quddies. L-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni bit-Tberik taż-Żjut fid-9.15am, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann flimkien mas-saċerdoti. Fis-6.30pm tibda l-Funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka u fi tmiem il-quddiesa Ġesu’ Ewkaristija jittieħed proċessjonalment fl-altar tal-adorazzjoni u minn dak il-ħin inkunu nistgħu nagħmlu l-viżti u l-adorazzjoni tagħna. Fl-10.30pm ikun hawn Adorazzjoni Komunitarja u f’nofsilejl tagħlaq il-knisja.
  • Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja tiftaħ fis-6.30am. Fid-9.00am nistednukom għat-talb tal-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum magħna s-saċerdoti. Imbagħad ikompli l-ħin tal-viżti sa nofsinhar. Fit-3.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib u wara toħroġ il-purċissjoni kif indikat fil-programm. Min jixtieq jirriserva siġġu fuq iz-zuntier għal waqt il-ħruġ tal-purċissjoni jista’ jagħmel dan mill-post ta’ wara l-knisja.
  • Is-Sibt fit-8.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Vġili tal-Għid. Nhar Ħadd il-Għid fid-9.00am toħroġ il-purċissjoni. Fid-9.30am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. Dakinhar it-tfal iġibu l-Karus ta’ Mħabba. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.

Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju

L-Azzjoni Kattolika, permezz tas-Segretarjat Assistenza Soċjali, matul dawn il-ġranet torganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Inħeġġukom biex ngħinu l-ħidma ta’ karita’ li twettaq l-Azzjoni Kattolika ma’ familji u persuni fil-bżonn billi nagħtu xi offerta ta’ flus fil-kaxxa li hawn ħdejn l-altar.

Programm sħiħ tal-Ġimgħa Mqaddsa

Biex tkunu tistgħu ssegwu aħjar il-programm tal-festi tal-Għid, tistgħu tieħdu leaflet bid-dettalji u l-ħinijiet intom u ħerġin mill-knisja minn ħdejn il-bibien tal-knisja.

Nitolbu għal oħtna Marija Dolores Gatt li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Il-Ħames Ħadd tar-Randan – Sena A

Ħin tas-Sajf

Infakkru li l-ħinijiet tal-quddies se jibqgħu kif inhuma u ma jkunx hemm tibdil.

Via Sagra għat-Tfal

It-Tnejn u t-Tlieta, 27 u 28 ta’ Marzu, se tiġi organizzata Via Sagra għat-tfal fil-5.30pm fil-Knisja Arċipretali. It-tfal jattendu fil-ġurnata li ġiet indikata lilhom miċ-Ċentri tal-Katekiżmu. 

Via Matris

Nhar l-Erbgħa fis-6.00pm ikun hawn meditazzjoni fuq id-Duluri tal-Madonna (Via Matris) qabel il-quddiesa.

Qrar u servizz penitenzjali

Il-Ħamis, lejlet il-festa tad-Duluri, ikun hawn il-Qrar mis-5.45pm ’il quddiem. Fis-7.00pm ikun hawn servizz penitenzjali u jkompli l-Qrar sat-8.00pm jew sa xħin ikun meħtieġ.

Festa tad-Duluri

Il-Ġimgħa niċċelebraw il-festa tad-Duluri ta’ Marija Santissima. Il-quddies filgħodu jkun fis-6.00am, fis-7.00am u fit-8.00am. Fil-5.00pm ikun hawn il-Qrar u fil-5.30pm quddiesa bil-kant. Wara l-quddiesa fis-6.15pm joħroġ il-Pellegrinaġġ bix-xbiha tad-Duluri li se jgħaddi minn Triq Sciortino, Triq Frans Sammut, Triq il-Kbira u l-Pjazza. Għas-7.00pm wara l-pellegrinaġġ ikollna quddiesa oħra.

Il-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Ħadd nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tifkira solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Fid-9.00am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa. Inħeġġu lit-tfal sabiex jieħdu sehem, u jekk jixtiequ, jistgħu jilbsu lbies ta’ tfal Lhud.

Fuljett bil-programm tal-festi

Biex tkunu tistgħu ssegwu aħjar il-programm tal-festi tal-Għid, tistgħu tieħdu leaflet bid-dettalji u l-ħinijiet intom u ħerġin minn ħdejn il-bibien tal-knisja.

Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju

Minn nhar il-Ġimgħa, festa tad-Duluri, sal-Ġimgħa l-Kbira, is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika jorganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Aħna mħeġġin nagħmlu xi offerta, li tkun frott ta’ xi sagrifiċċju personali, biex ngħinu persuni u familji fil-bżonn. L-offerti għandhom jintefgħu fil-kaxxa li hawn ħdejn l-altar tal-Knisja Arċipretali.

Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan – Sena A

Solennita’ San Ġużepp

It-Tnejn 20 ta’ Marzu niċċelebraw is-Solennità ta’ San Ġużepp. Fis-6.30pm ikun hawn quddiesa kantata u wara ssir il-professjoni tal-fratelli l-ġodda. Dawk li huma diġà miktuba fil-fratellanza huma mħeġġa li jissieħbu għal din il-quddiesa mal-fratelli l-ġodda.

Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp

It-Tlieta 21 ta’ Marzu, fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp animata mis-Superjur Joe Fenech.

Laqgħa għal dawk li ser jieħdu sehem fil-purżissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Nhar il-Ħamis 23 ta’ Marzu se ssir laqgħa għal dawk kollha li se jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, kemm reffiegħa u kemm personaġġi. Din il-laqgħa se ssir fil-Knisja Arċipretali fis-7.00pm wara l-quddiesa. Importanti li kull min se jieħu sehem jattendi minħabba li se tingħata informazzjoni fuq il-purċissjoni. Infakkru li għad għandna bżonn persuni li lesti jgħinu fl-andament tal-purċissjoni u għal darb’oħra nagħmlu sejħa biex it-tfal jieħdu sehem.

Festa devozzjonali tar-Redentur

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Marzu, nagħmlu l-festa devozzjonali tar-Redentur. Fis-6.00pm joħroġ il-pellegrinaġġ bix-xbiha ta’ Ġesù Redentur  u kif jintemm il-pellegrinaġġ, għas-7.00pm, tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Il-pelleġrinaġġ se jgħaddi minn Triq il-Knisja, Triq il-Parroċċa, Triq San Ġużepp, Triq Sidtna tal-Anġli u Triq il-Kbira. 

Quddiesa tal-Ħadd mill-Monsinjur Arċisqof

Nhar il-Ħadd li ġej 26 ta’ Marzu, il-quddiesa tad-9.30am se tkun iċċelebrata minn Monsinjur Arċisqof. Din il-quddiesa se tkun imxandra fuq l-istazzjon nazzjonali TVM. Wara l-quddiesa, l-Arċisqof jiltaqa’ magħna fuq iz-zuntier. Nilqgħu fostna kif jixraq lir-ragħaj spiritwali tagħna.

Pageant tal-Passjoni ta’ Ġesu’

Nhar il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd li ġej (24, 25 u 26 ta’ Marzu) fis-Sala Parrokkjali (id-Domus) se jittella’ l-pageant tal-Passjoni. Biljetti mis-sala stess filgħaxija.

Pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla

Għad fadal ftit postijiet għall-pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla, nhar it-Tlieta 28 ta’ Marzu. Min jixtieq jattendi javviċina lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Nitolbu għal oħtna Rosina Busuttil li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.