Sbatax-il Ħadd matul is-Sena A

Festa San Ġużepp

  • Il-Ħadd, 30 ta’ Lulju fit-8.00am quddiesa solenni bil-paniġierku minn Patri Joseph Zahra OP. Il-quddiesa ta’ wara tkun fl-10.00am (mhux fid-9.30am) għat-tfal u l-familji.
  • Fis-6.00pm ikun hawn quddiesa bil-kant li fiha jingħad l-Għasar. Fis-7.30pm toħroġ il-purċissjoni li tidħol lura fl-10.00pm u tagħlaq bl-antifona u l-Barka Sagramentali.

Min jixtieq jagħmel offerta għall-ispejjeż tal-festa ta’ San Ġużepp huwa mitlub jitfa’ l-offerta tiegħu fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar. L-offerti li nġabru mill-inizjattiva Ċirku Dsatax minn diversi benefatturi għal din il-festa laħqu s-somma ta’ €1,075. Nirringrazzjaw lil kull min jagħti s-sehem tiegħu.

Adorazzjoni

Nhar il-Ġimgħa l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, wara l-quddiesa tas-7.00am ikun adorazzjoni fis-skiet quddiem Ġesù Ewkaristija sa qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Trasport għall-Velja ta’ Talb f’Ta’ Pinu

Se jigi organizzat trasport għall-velja ta’ talb tal-Assunta li se ssir fuq iz-zuntier tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu ġewwa Għawdex nhar il-Ħadd 14 ta’ Awwissu, lejlet Santa Marija. Qiegħed jiġi organizzat trasport; għalhekk dawk  li jixtiequ jattendu u jibbukkjaw ghandhom ikellmu lil Joe Micallef (Legion of Mary) sal-11 ta’ Awwissu.

Indulġenza tal-Porzjunkola

Bejn nofsinhar ta’ nhar it-Tlieta 1 ta’ Awwissu u filgħaxija ta’ nhar l-Erbgħa 2 ta’ Awwissu wieħed jista’ jikseb l-indulġenza magħrufa bħala Tal-Porzjunkola. Din l-indulġenza kien talabha San Franġisk innifsu 800 sena ilu, f’dehra li kellu ta’ Ġesù, bl-iskop li l-bnedmin jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom u jinħelsu mill-pieni tal-purgatorju. Biex wieħed jikseb din l-indulġenza għandu jżur xi Knisja Franġiskana jew Knisja Parrokkjali, jitlob il-Missierna, il-Kredu u skont l-intenzjoni tal-Papa, u jersaq għas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin f’xi ġurnata qrib dawn il-ġranet.

Nitolbu għal ħutna Karmena Cassar, Karmena Byers, Emanuel Cutajar u Philip Ciantar, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

Sittax-il Ħadd matul is-Sena A

Jum in-Nanniet

Fuq xewqa tal-Papa, dan il-Ħadd qed niċċelebraw Jum in-Nanniet, qrib tal-festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin li l-Knisja tfakkar fis-26 ta’ Lulju. Għall-quddiesa tad-9.30am huma mistiedna b’mod speċjali n-nanniet mal-familji tagħhom.

Festa San Ġużepp

Matul din il-ġimgħa niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp:

  • It-Tnejn fit-7.45pm issir quddiesa għaż-żgħażagħ fuq iz-zuntier. Wara jsir il-ħruġ tal-vara min-niċċa u l-preżentazzjoni tat-trabi lil San Ġużepp.
  • Il-Ħamis u l-Ġimgħa jkunu jiem tat-Tridu. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bil-prietka minn Patri Clive Camilleri OFM. Wara l-quddiesa tingħad il-kurunella, jitkantaw l-innu u l-antifona u tingħata l-Barka Sagramentali.
  • Is-Sibt, l-aħħar jum tat-Tridu, fis-6.00pm isir l-Ewwel Għasar kantat u fis-6.30pm quddiesa bil-prietka tat-Tridu. Wara l-funzjoni tat-Tridu jitkanta Te Deum u Barka Sagramentali.
  • Il-Ħadd, nhar il-Festa, fit-8.00am issir il-quddiesa solenni bil-paniġierku minn Patri Joseph Zahra OP. Il-quddiesa ta’ wara tkun fl-10.00am għat-tfal u l-familji. Fis-6.00pm ikun hawn quddiesa bil-kant li fiha jingħad l-Għasar. Fis-7.30pm toħroġ il-purċissjoni li tidħol lura fl-10.00pm u tagħlaq bl-antifona u l-Barka Sagramentali.

Ħdejn il-bieb il-kbir tal-knisja hemm fuljetti bil-programm sħiħ u miegħu hemm envelope biex wieħed jagħmel offerta għall-festa. L-envelope bl-offerta tagħkom nitolbukom iġġibuh magħkom fil-knisja u titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar.

Esperjenza fl-Albanija

F’isem il-grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna li dan l-aħħar kellhom esperjenza ġewwa Durres, l-Albanija, nirringrazzjawkom għad-donazzjonijiet miġbura b’risq din il-missjoni. Is-somma miġbura ta’ €7,000 intużat biex jiġu finanzjati diversi proġetti li twettqu fil-parroċċa ta’ San Ġorġ immexxija mill-Patrijiet Dumnikani Maltin, fosthom sessjonijiet edukattivi u summercamp għat-tfal u żgħażagħ, rinovazzjoni tal-area ta’ rikreazzjoni u xiri ta’ apparat teknoloġiku għaċ-ċentru parrokkjali.

Premju Papa Ġwanni XXIII

Nifirħu lil Luigi Zammit, żagħżugħ mill-parroċċa tagħna, li ġie mogħti l-premju Papa Ġwanni XXIII bħala rikonoxximent għall-qalb tajba tiegħu u l-impenn favur min hu batut.

Nitolbu għal oħtna Karmena Cilia li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħmistax-il Ħadd matul is-Sena A

Adorazzjoni

It-Tlieta fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.

Jum in-Nanniet

Il-Ħadd li ġej 23 ta’ Ġunju, fuq xewqa tal-Papa Franġisku, se jkun qed jiġi ċċelebrat Jum in-Nanniet. Għalhekk il-quddiesa tad-9.30am se tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Nistiednu b’mod speċjali lin-nanniet biex jattendu għal din il-quddiesa flimkien mal-familji tagħhom.

Festa San Filep 2024

Minħabba li s-sena d-dieħla il-Festa ta’ San Filep ser tiġi mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, nixtieq ninfurmakom li l-festa ser tiġi iċċelebrata Ħadd qabel, fit-2 ta’ Ġunju.

Programm tal-Festa ta’ San Ġużepp

Ħdejn il-bieb il-kbir tal-knisja hemm fuljetti bil-programm tal-Festa ta’ San Ġużepp li ser niċċelebrawha il-Ħadd 30 ta’ Lulju. Miegħu hemm envelope biex wieħed jagħmel offerta għall-festa. L-envelope bl-offerta tagħkom nitlobkom iġġibuh magħkom fil-knisja u titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar.

Lejla Maltija fid-Dar tal-Kleru

Id-Dar tal-Kleru, li tilqa’ fiha saċerdoti anzjani u morda, ser torganizza Lejla Maltija fid-dar stess, l-Erbgħa 26 ta’ Lulju, mis-7.00pm ’il quddiem. Aktar dettalji issibuhom fil-poster li hemm fin-Notice Boards tal-Knisja.

Erbatax-il Ħadd matul is-Sena A

Żgħażagħ fl-Albanija

Matul din il-ġimgħa grupp ta’ 14-il żagħżugħ u żagħżugħa mill-parroċċa tagħna se jkunu qed jibdew esperjenza ta’ volontarjat ġewwa l-Albanija flimkien mal-Patrijiet Dumnikani Maltin. Nawgurawlhom għal din l-esperjenza u nżommuhom fit-talb tagħna.

Magħmudija

Nhar il-Ħadd li ġej ikun hawn quddiesa fil-5.30pm li fiha jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Magħmudija.

Kors ta’ Kana

Infakkru lil dawk l-għarajjes li se jiżżewġu fis-sentejn li ġejjin li huwa meħtieġ li jagħmlu l-Kors ta’ Kana. Idealment dan il-kors isir sentejn qabel it-tieġ. Fil-parroċċa tagħna l-kors se jibda fis-27 ta’ Settembru u jkompli matul ix-xahar ta’ Ottubru. Dawk il-koppji li jixtiequ jirreġistraw għall-kors huma mitluba li jiġu fl-Uffiċċju Parrokkjali jew ikellmu lill-Arċipriet.

Korsijiet fil-Fakulta tat-Teoloġija

Il-Fakulta’ tat-Teologija fl-Univesita’ ta’ Malta tixtieq tavża li f’Ottubru li ġej se jiftħu korsijiet b’temi varji – il-Bibbja, l-istorja tal-Knisja, il-patrimonju ekkleżjastiku, il-bioetika u morali, l-ambjent, il-filosofija, u ħafna oħrajn. Hemm il-possibbilta’ li wiehed isegwi kors mhux biss full-time iżda wkoll part-time, u dan parti minnu jsir online. Min hu interessat jista’ jżur is-sit tal-Fakulta’ tat-Teoloġija.

Ħarġa għall-Baħar

Infakkru li nhar it-Tlieta jkun hemm l-ewwel ħarġa għall-baħar. Tluq minn ħdejn il-Posta fit-8.30am u jiġu lura fis-2.00pm. Min hu interessat ikellem lil xi ħadd mill-membri tal-Grupp tal-Fundraising.

Nitolbu għal ħutna Miriam Anna Liza Sciortino, Raymond Bone u Alfred Abela, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tlettax-il Ħadd matul is-Sena A

Laqgħa għall-ġita tal-Polonja

Nhar it-Tlieta 4 ta’ Lulju se ssir laqgħa għal dawk li nkitbu għall-ġita tal-Polonja. Il-laqgħa se ssir fis-sala għand is-sorijiet fil-5.00pm.

Ġabra għall-Papa

Il-ġbir li sar il-Ħadd li għadda bħala Offerta għall-Papa laħaq is-somma ta’ €2,300. B’din il-ġabra, li ssir mad-dinja kollha fil-Knisja, il-Papa jkun jista’ jifrex il-ħidma tiegħu ta’ karita’ ma’ dawk milqutin minn diżastri naturali, gwerer u emerġenzi oħra.

Ħarġiet għall-Baħar

Infakkru fil-ħarġiet għall-baħar kull nhar ta’ Tlieta wara nofsinhar organizzati mill-Grupp tal-Fundraising. L-ewwel ħarġa se tkun nhar it-Tlieta li ġej. Tluq fit-8.30am minn ħdejn il-posta. Min hu interessat ikellem lil xi ħadd mill-membri.

Laqgħa fl-Iskola Primarja

Nhar l-Erbgħa 5 ta’ Lulju bejn l-4.30pm u s-7.00pm se ssir laqgħa fl-iskola primarja bit-tema Qatt mhu Tard. Din il-laqgħa għandha l-iskop li tippromwovi l-edukazzjoni u l-ħiliet tul il-ħajja għal kull età. Aktar dettalji mill-Kunsill Regjonali tal-Punent (Tel: 2226 6603).

Tnax-il Ħadd matul is-Sena A

L-Offerta ta’ San Pietru

Dan il-weekend qed issir il-Ġabra magħrufa bħala l-“Offerta ta’ San Pietru”. B’din il-ġabra nkunu qegħdin nuru l-imħabba tagħna lejn il-Papa Franġisku u ngħinuh biex ikun jista’ jifrex dejjem aktar il-ħidmiet tiegħu ta’ Ragħaj tal-Knisja Universali permezz ta’ għotjiet ta’ karità mad-dinja kollha, b’mod speċjali ma’ dawk milqutin minn xi emerġenza, diżastru naturali jew gwerra. Monsinjur Arċisqof iħeġġiġna biex inkunu ġenerużi u nuru l-għaqda tagħna mal-Papa. Għaldaqstant il-ġbir kollu tal-quddies ikun għal dan il-għan.

Quddiesa tal-Ħadd filgħaxija

Navżaw li l-quddiesa tal-5.30pm ta’ filgħaxija nhar ta’ Ħadd se tieqaf mis-17 ta’ Lulju li ġej. Issir biss meta jkun avżat li se ssir quddiesa li fiha jkun se jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Magħmudija.

Flimkien(fuljett)

Intom u ħerġin nistednukom tieħdu magħkom kopja tal-Flimkien (Ħarġa ta’ Ġunju – Lulju) minn ħdejn il-bibien tal-knisja.

Nitolbu għal ħutna Francesca Ciantar u Nazju Abela, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem: Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħdax-il Ħadd matul is-Sena A

Jum il-Missier

Qegħdin niċċelebraw Jum il-Missier. Il-quddiesa tad-9.30am tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Inħeġġu lill-familji jattendu għaliha. Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, iċ-ċimiterju jkun miftuħ mis-7.00am sat-3.30pm.

Ġimgħa ta’ Tagħlim

Minn nhar it-Tnejn 19 sal-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju, se ssir il-Ġimgħa ta’ Tagħlim organizzata mill-membri tal-MUSEUM fuq iz-zuntier tal-knisja. Il-laqgħat jibdew fis-7.00pm. Kulħadd huwa mistieden għal dawn il-laqgħat.

Adorazzjoni

It-Tlieta 20 ta’ Ġunju fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.

Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’

Il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju, issir il-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù fis-Santwarju.  Fis-6.15pm quddiesa solenni u wara ssir purċissjoni madwar is-Santwarju.

Illum nitolbu għall-missirijiet kollha: Sliem għalik Marija…, u għal dawk li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem: Agħtihom, Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem…

Festa tal-Patrun tagħna San Filep

Festa tal-Patrun San Filep

Qed niċċelebraw il-Festa tal-Patrun tagħna San Filep. Il-Ħadd fit-8.00am, issir il-Quddiesa Konċelebrata Solenni tal-Festa, immexxija mill-Kanonku Dun Joseph Mizzi, bil-paniġierku mill-Kanonku Dun Ryan Lee Pace.

Fil-5.30pm Għasar bil-quddiesa u fis-7.00pm tibda ħierġa l-Purċissjoni u tidħol lura fil-Knisja fl-10.30pm.

Laqgħa Grupp Padre Pio

It-Tlieta fl-4.30pm ikun imiss laqgħa oħra tal-Grupp ta’ San Padre Pio li tinkludi quddiesa.

Preżentazzjoni tat-Trabi u t-Tfal

Il-Ħamis, 15 ta’ Ġunju,  fil-Quddiesa tas-6.30pm, issir il-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi li twieldu mis-sena l-oħra ’l hawn. Peress li se tingħata tifkira żgħira, min se jattendi importanti li jinkiteb fis-sagristija jew iċempel fuq in-numru li hemm fl-invit.

Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’

Il-Ġimgħa, 16 ta’ Ġunju niċċelebraw is-Solennita’ tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Filgħodu minn wara l-quddiesa tat-8.00am sal-10.30am ikollna Adorazzjoni fis-skiet sa nofsinhar. Filgħaxija fil-5.00pm tkompli l-Adorazzjoni fis-skiet, fis-6.00pm issir it-Talba tal-Għasar u fis-6.30pm issir quddiesa solenni u wara toħroġ il-purċissjoni bl-Ewkaristija li tgħaddi minn Triq il-Parroċċa, Triq Ebona, Triq tad-Dawl, Triq San Ġużepp, Triq Sidtna tal-Anġli, Triq il-Kbira u Misraħ San Filep. Inħeġġukom sabiex tieħdu sehem fil-purċissjoni b’qima u b’imħabba lejn Ġesu’ Ewkaristija.

Jum il-Missier

Il-Ħadd, 18 ta’ Ġunju, ikun Jum il-Missier. Il-quddiesa tad-9.30am tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Inħeġġu lill-familji jattendu għaliha. Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, iċ-ċimiterju jkun miftuħ is-Sibt u l-Ħadd mis-7.00am sat-3.30pm.

Donazzjonijiet u Offerti tal-Festa

Nagħmlu appell biex ilkoll tagħtu s-sehem tagħkom għall-ispejjeż tal-festa billi ġġibu l-envelope bl-offerta tagħkom u titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar. Nirringrazzjaw lil kull min diġa’ għamel offerta għall-festa.

Ħdejn il-bieb tal Knisja persuna inkarigata minni, se tkun qiegħda tilqa’ offerti b’risq ix-xogħol ta’ restawr li sar din is-sena u l-aktar għar-restawr tal-Kwadru tal-Erwieħ li ġie jiswa €20,000.

F’isem is-saċerdoti u l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, nawgura l-festa t-tajba lilkom u lill-familji tagħkom.

Solennita’ tat-Trinita’ Mqaddsa – Sena A

Festa San Filep

Il-Ħadd, 4 ta’ Ġunju, nagħtu bidu għall-festa bil-ħruġ tal-istatwa ta’ San Filep min-niċċa. Il-ħruġ isir wara l-quddiesa tas-7.00pm.

  • It-Tnejn: fil-5.30pm, Quddiesa speċjali għat-tfal. Wara ikollhom logħob fil-qasam tal-MUSEUM tas-Subien. Fit-7.45pm, Quddiesa għaż-żgħażagħ fuq iz-zuntier tal-Knisja.
  • It-Tlieta:  fid-9.30am, quddiesa għall-morda u l-anzjani. Fis-6.30pm, quddiesa għall-koppji u l-familji. Mistiedna b’mod speċjali dawk il-koppji li żżewġu mis-sena 2022 ‘l hawn. Fit-7.30pm, Taħdita Kulturali mis-Sur Joe Borg fuq il-pittur Żebbuġi Pasquale Buhagiar (pittur tas-seklu sbatax) li ħalla xogħol fil-knisja tagħna u knejjes oħra f’Malta. Din l-attività se ssir fil-Knisja Arċipretali. KULĦADD HUWA MISTIEDEN. Fit-8.30pm se ssir laqgħa għar-reffiegħa tal-vara, kemm dawk stabbiliti kif ukoll ir-reffiegħa l-ġodda li applikaw din id-darba. Il-laqgħa se issir fil-Knisja Arċipretali.  
  • L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa: Jiem tat-Tridu, skont kif indikat fil-programm. Il-prietki tat-Tridu se jkunu mmexxija minn Patri Clive Camilleri OFM.
  • Is-Sibt: fit-8.00am Quddiesa kantata tat-TE DEUM. Fis-6.15pm, toħroġ purċissjoni mill-Knisja Arċipretali għall-Knisja tal-Madonna tal-Anġli minn fejn tibda l-purċissjoni tat-Translazzjoni bir-Relikwja ta’ San Filep immexxija mill-Kanonku Dun Joe Mizzi, segwita mill-Kant tal-Għasar. Fit-8.00pm ikun hawn quddiesa.
  • Il-Ħadd: Jum il-Festa, fit-8.00am, issir il-Quddiesa Konċelebrata Solenni tal-Festa, immexxija mill-Kan. Dun Joe Mizzi, bil-paniġierku mill-Kan. Dun Ryan Lee Pace. Fil-5.30pm, Għasar fil-quddiesa u fis-7.00pm tibda ħierġa l-Purċissjoni. Il-purċissjoni tidħol lura fil-knisja fl-10.30pm.

Preżentazzjoni tat-Trabi u Tfal

Il-Ħamis, 15 ta’ Ġunju, fil-Quddiesa tas-6.30pm, issir il-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi li twieldu mis-sena l-oħra ’l hawn. Peress li se tingħata tifkira żgħira, min se jattendi importanti li jinkiteb fis-sagristija.

Programm tal-Festa

Il-programm sħiħ tistgħu ssegwuh minn fuq il-fuljett IS-SLIEM li qed jitqassam fi djarkom. Min ma rċevihx jista’ jieħu kopja minn ħdejn il-bieb il-kbir tal-knisja.

Ikun apprezzat jekk tikkontribwixxu €10 minn kull familja għall-festa, jew kemm tistgħu, skont il-mezzi tagħkom. Nirringrazzjawkom tas-sehem li tagħtu. L-envelope bl-offerta tagħkom nitolbukom iġġibuh magħkom fil-knisja u titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar.

Nitolbu għal Antoinette Muscat, Saviour Bonnici u Ursola Buhagiar li għaddew għall-Ħajja ta’ Dejjem: Agħtihom, O Mulej, il-Mistrieħ ta’ Dejjem.

Għid il-Ħamsin – Sena A

L-Ewwel Tqarbina

Il-Ħadd, 28 ta’ Mejju fid-9.30am u fil-5.00pm ikollna l-Ewwel Tqarbina. Il-quddiesa tad-9.30am se ssir fis-Sala tad-Domus.

Adorazzjoni tal-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar

Il-Ġimgħa, 2 ta’ Ġunju, wara l-quddiesa tas-7.00am se jkun hawn adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija, li tintemm bil-Barka Sagramentali qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Festa San Filep

Nhar il-Ħadd, 4 ta’ Ġunju, nagħtu bidu għall-festa ta’ San Filep bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Fis-7.00pm ikun hawn quddiesa li tiftaħ il-festi u fit-7.45pm isir il-ħruġ solenni. Dakinhar issir ġabra speċjali għall-ispejjeż tal-festa.

Sejħa għar-reffiegħa

Infakkru li dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vara ta’ San Filep huma mitluba li jgħaddu l-applikazzjoni lill-Arċipriet sa nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Ġunju.

Fuljett tal-Festa

Matul dawn il-ġranet se jitqassam il-fuljett tal-festa. Miegħu se jitqassam l-envelop biex nagħmlu l-offerta tagħna għall-festa. Nappellaw għall-ġenerożita’ tagħkom fl-għotjiet li tagħtu biex inkopru l-ispejjeż tal-festa. L-envelops mhux se jinġabru mill-helpers, imma nistednukom tixħtuhom fil-kaxxi li hawn quddiem l-altar. Nitolbu lill-helpers jieħdu l-kopji tal-fuljett mis-Sagristija flimkien mal-envelops.

Trasport għall-anzjani għall-quddiesa tal-festa

Dawk li għandhom xi anzjani li jixtiequ jiġu għall-quddiesa speċjali għalihom fil-ġimgħa tal-festa, it-Tlieta 6 ta’ Ġunju, fid-9.30am, u għandhom bżonn trasport, nitolbu lil xi ħadd mill-familjari jagħtuna isimhom fis-Sagristija. Dawk ukoll li għandhom xi qraba emigranti li se jkunu fostna fil-jiem tal-Festa, nitolbukom ukoll li tgħaddu l-ismijiet tagħhom fis-Sagristija.

Ħarġa għal Għawdex

It-Tlieta 20 ta’ Ġunju se ssir ħarġa għal Għawdex b’quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Il-private titlaq fis-7.00am minn ħdejn il-Posta. Min hu interessat ikellem lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Nitolbu għal ħutna Gejtu Coleiro, Joseph Zahra u Emanuel Attard, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.