Il-Ħames Ħadd matul is-Sena ċ

Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp

It-Tlieta, 8 ta’ Frar, fl-10.00am issir Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet, immexxija mis-Soċju tal-MUSEUM Joe Fenech.

Laqgħa grupp Padre Pio

It-Tlieta, 8 ta’ Frar, fl-4.30pm jiltaqa’ l-Grupp ta’ Padre Pio. Il-laqgħa tibda bil-quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Laqgħa għall-adolexxenti

It-Tlieta, 8 ta’ Frar, fis-7.00pm imiss laqgħa oħra għall-adolexxenti li qegħdin Form 2. Din id-darba l-laqgħa se ssir fis-Sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Vestizzjoin Abbatini

L-Erbgħa 9 ta’ Frar se ssir il-Vestizzjoni ta’ 13-il tifel u tifla bħala abbatini. 10 minnhom se jkunu qegħdin jingħaqdu mal-Grupp tal-Abbatini tal-Parroċċa għall-ewwel darba.

Festa ta’ San Pawl

Il-Ħamis 10 ta’ Frar niċċelebraw il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl. Jixraq li nqaddsu din il-ġurnata speċjali għalina l-Maltin billi nieħdu sehem fil-quddiesa. Il-quddies ikun fis-6.00am, 7.00am, 8.00am u 9.30am filgħodu u fis-6.30pm filgħaxija.

Laqgħa għall-miżżewġin

Il-Kummissjoni Familja tal-Parroċċa qed tistieden lill-koppji miżżewġin nhar l-Erbgħa 16 ta’ Frar fis-6.30pm fil-Knisja Arċipretali. Dawk il-koppji li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom huma mistiedna li jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tagħhom. Dakinhar tal-okkażjoni tingħata tifkira.

Nitolbu għal ħutna Carmen Vassallo, Emanuel Sciberras, Salvu Dimech u ċ-ċkejken Noel Żammit, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ir-Raba’ Ħadd matul is-Sena Ċ

Festa tal-Kandlora

Nhar l-Erbgħa 2 ta’ Frar nagħmlu l-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, magħrufa bħala l-Kandlora. Fis-6.30pm ikun hawn quddiesa kantata u fiha jsir it-tberik tax-xemgħa.

Adorazzjoni

Nhar il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm qabel il-quddiesa bit-tema tal-liturġija tal-Ħadd.

Adorazzjoni tal-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar

Il-Ġimgħa, l-Ewwel Ġimgħa tax-xaħar, wara l-quddiesa tas-7.00am se jkun hawn adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija, li tintemm bil-Barka Sagramentali qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Festa ta’ San Blas

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Blas, li l-Knisja tiċċelebra matul din il-ġimgħa, nhar il-Ħadd 6 ta’ Frar se ssir quddiesa f’nofsinhar fil-kappella dedikata lilu fil-limiti tal-parroċċa.

Nitolbu għal ħutna Ġużeppa Mifsud u Ġużi Bonnici, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

It-Tielet Ħadd matul is-Sena Ċ

Laqgħat għaż-Żgħażagħ fiċ-Ċentru ta’ Warda

Nhar l-Erbgħa se jerġgħu jibdew il-laqgħat tal-Grupp taż-Żgħażagħ li għalihom mistednin żgħażagħ minn Form 3 (Year 9) ’il fuq. Il-laqgħa tibda fis-7.30pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda.

Se nibdew ukoll grupp ġdid għall-adolexxenti li rċevew il-Griżma tal-Isqof f’Ottubru li għadda, jiġifieri dawk li twieldu fis-sena 2009 (Form 2). L-ewwel laqgħa għal dan il-grupp se ssir nhar il-Ħamis li ġej fis-7.00pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Għal iktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjaw lil Fr Mario Dimech. 

Laqgħa għall-Ġenituri tat-tfal li se jagħmlu Griżma tal-Isqof

Nhar il-Ġimgħa se ssir laqgħa għall-ġenituri ta’ dawk li se jagħmlu l-Griżma din is-sena. Il-ħin ikun fis-7.00pm u l-laqgħa ssir fil-Knisja Arċipretali.

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin

Nhar il-Ġimgħa l-Kummissjoni Familja se torganizza laqgħa oħra għall-koppji miżżewġin fis-7.00pm fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali). Il-kelliem se jkun in-Nutar Philip Ellul.

Tqarbin għall-pazjenti fl-isptar

Għal dawk kollha li għandhom xi ħadd li jinsab marid u qiegħed l-isptar, ninfurmakom li kemm-il darba pazjent ikun jixtieq jirċievi t-tqarbin kemm idum fl-isptar, ikun meħtieġ li hu stess jitlob lil xi ħadd mill-infermiera biex isejjaħ wieħed mis-saċerdoti li jservu fl-isptar ħalli jqarbnuh.

Restawr fuq il-Koppla

Navża uffiċjalment li l-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi, wara li laqgħet l-applikazzjonijiet għax-xogħol ta’ restawr fuq il-koppla, għażlet il-Kumpanija Agius Stone Works biex tagħmel dan ix-xogħol. Huwa stmat li l-ispiża se tlaħħaq madwar €145,000. Il-fondi allokati għal dan il-proġett ikopru 80% ta’ din l-ispiża, filwaqt li l-20% l-oħra, li huma madwar €30,000, jitħallsu mill-parroċċa. Filwaqt li nittama li ma jdumx ma jinbeda x-xogħol, nappella ħafna għall-ġenerożità tagħkom. Proġetti oħra li se nkunu qegħdin naħdmu fuqhom fil-futur qrib huma r-restawr tal-kwadru tal-Erwieħ li hu stmat madwar €17,000, kif ukoll it-titjib fis-sistema tas-sound tal-Knisja Arċipretali, bi spiża ta’ madwar €5,000.

Nitolbu għal oħtna Carmela Agius li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

It-Tieni Ħadd matul is-Sena Ċ

Għaqda Nsara

Nhar it-Tlieta, 18 ta’ Jannar, tibda l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara. Ejjew matul din il-ġimgħa, li tiġi mfakkra mad-dinja kollha, nitolbu sabiex il-knejjes insara differenti jkunu dejjem iżjed ħaġa waħda bejniethom.

Il-Ħadd, 23 ta’ Jannar , fil-quddiesa tal-10.00am se niftakru u nitolbu għall-Għaqda tal-Insara. Nistiednu lill-familji bit-tfal sabiex jattendu. 

Laqgħa Grupp tal-Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta, 18 ta’ Jannar, jiltaqa’ l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.15am. Din il-laqgħa se ssir fis-sala ta’ isfel għand is-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali).

Adorazzjoni

Il-Ħamis ikollna l-adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat fis-6.00pm qabel il-quddiesa, fuq it-tema tal-Liturġija tal-Ħadd li ġej.

Griżma tal-Isqof

Navżaw li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Griżma tal-Isqof din is-sena se jkunu f’dawn il-ġranet: is-Sibt 1 ta’ Ottubru 2022 filgħaxija, is-Sibt 8 ta’ Ottubru 2022 filgħaxija u l-Ħadd 9 ta’ Ottubru 2022 filgħodu u filgħaxija. Il-ġenituri qed jiġu mgħarrfa b’dawn id-dati miċ-Ċentri tad-Duttrina fejn jattendu t-tfal tagħhom.

Nitolbu għal ħutna Carmelo Bezzina, Victor Mifsud, Ġużeppi Camilleri, Maria Assunta Pisani, Angelus Attard u Dolores Delia, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Festa tal-Magħmudija tal-Mulej – Sena Ċ

Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp

Nhar it-Tlieta fl-10.00am se terġa’ tibda ssir l-Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet, immexxija mis-soċju tal-MUSEUM Joe Fenech.

Laqgħa tal-Grupp Padre Pio

It-Tlieta fl-4.30pm imiss laqgħa oħra tal-Grupp ta’ Padre Pio li tinkludi quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Adorazzjoni fil-Parroċċa

Il-Ħamis ikollna l-adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat fis-6.00pm qabel il-quddiesa, fuq it-tema tal-Liturġija tal-Ħadd li ġej.

Nitolbu għal oħtna Rosaria Psaila li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Solennita’ tal-Epifanija tal-Mulej – Sena Ċ

Quddiesa Speċjali għaż-Żgħażagħ

Il-Ħadd, 2 ta’ Jannar, ikollna quddiesa b’mod speċjali għaż-żgħażagħ fis-7.00pm fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu liż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa tagħna sabiex jieħdu sehem. 

Ġbir għall-karita’

Il-ġabra li saret b’riżq id-Dar tal-Providenza fil-Knisja Arċipretali u fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù laħqet somma sabiħa. L-offerti ta’ flus li ngħataw b’riżq id-dar tat-tfal St. Rita Home, immexxija mis-sorijiet Ursolini, kienet ta’ €1,065. Minbarra dawn il-flus, inġabru ammont kbir ta’ għotjiet ta’ ikel, bħalma stajtu taraw qabel il-Milied fuq l-altar tal-Kunċizzjoni. Is-Superjura Sr Denise tirringrazzja lill-komunità parrokkjali tagħna għal din il-ġenerożità li ġiet murija magħhom.

Sejħa għal Abbatini

Infakkru fis-sejħa li qed nagħmlu biex inħeġġu aktar tfal sabiex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. Minbarra s-servizz li jagħtu fuq l-altar, l-abbatini jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw il-karattru nisrani u jissaħħu fil-valuri. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini, jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.

Adorazzjoni

Nhar il-Ħamis 6 ta’ Jannar, li jaħbat lejlet l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikollna adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat fis-6.00pm qabel il-quddiesa.

Nitolbu għal ħutna Carmelo Azzopardi, Giulia Mifsud, Andreana Said, Angelo Cauchi u Aylmer Pace, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Festa tal-Familja Mqaddsa – Sena Ċ

Kwaranturi

Minn nhar l-Erbgħa 29 ta’ Diċembru sal-aħħar tas-sena jkollna l-Kwaranturi fil-Knisja Arċipretali. Fit-8.30am issir l-espożizzjoni solenni tal-Ewkaristija sa nofsinhar. Filgħaxija fil-5.00pm ikun hawn siegħa adorazzjoni fis-skiet u fis-6.00pm tingħad it-talba tal-Għasar. Nhar il-Ġimgħa filgħaxija l-quddies ikun bħas-Sibt, jiġifieri fil-5.00pm u fis-6.30pm, b’din tal-aħħar tkun quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr lil Alla fl-għeluq tas-sena. Fiha ssir purċissjoni fil-knisja bl-Ewkaristija u jitkanta t-Te Deum. Nhar l-Ewwel tas-Sena, Solennità ta’ Marija Omm Alla, il-quddies ikun bħal nhar ta’ Ħadd. Filgħaxija jkun hawn quddies fil-5.00pm u fis-6.30pm.

Ġbir b’riżq id-Dar tal-Providenza

Il-ġbir kollu li jsir nhar il-Ġimgħa filgħaxija u fl-Ewwel tas-Sena jkun b’riżq id-Dar tal-Providenza. Ilkoll nafu kemm din id-dar teħtieġ għajnuna biex toffri servizz tajjeb u professjonali lir-residenti li jgħixu fiha. Inkun ġenerużi fl-għotjiet tagħna.

Sejħa għall-Abbatini

Nixtiequ nħeġġu aktar tfal sabiex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini, jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.

Quddiesa għaż-Żgħażagħ

Nhar il-Ħadd 2 ta’ Jannar se tiġi ċċelebrata quddiesa għaż-żgħażagħ fis-7.00pm fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu liż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa tagħna sabiex jieħdu sehem.  

Nitolbu għal ħutna Nazzarena Abdilla, Philip Muscat, Charles Cauchi, Emily Baldacchino u Nicolina Sawyer, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent – Sena Ċ

Tberik tal-Bambini

Il-Ħadd, 19 ta’ Diċembru, fil-quddiesa tal-10.00am se jsir it-tberik tal-Bambini. Inħeġġu l-familji bit-tfal sabiex jattendu.

Novena tal-Milied

Matul din il-ġimgħa fil-quddiesa ta’ filgħaxija nkomplu bin-Novena tal-Milied u fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.

Laqgħa tal-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.15am fil-kamra ta’ wara ċ-Ċenaklu.

Għotjiet ta’ prodotti tal-ikel (preserve) u flus

Infakkar li qegħdin nilqgħu għotjiet ta’ ikel sabiex f’dan iż-żmien tal-Milied, bħala parroċċa, ngħinu lid-dar tat-tfal Dar Santa Rita, immexxija mis-Sorijiet Ursolini. Dawn l-għotjiet għandhom jitpoġġew fuq l-altar tal-Kunċizzjoni. Min jixtieq jagħmel offerta ta’ flus għal din id-dar jista’ jgħaddiha lill-Arċipriet jew lil xi ħadd mis-saċerdoti.

Purċissjoni tal-Bambin

Lejlet il-Milied se ssir il-purċissjoni tal-Bambin. Wara diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa, intbagħtulna proċeduri dwar kif il-purċissjonijiet tal-Bambin jistgħu jsiru f’konformità mal-liġijiet attwali. Importanti li kull min jixtieq jipparteċipa fil-purċissjoni għandu jirreġistra minn qabel minn fuq il-paġna tal-Facebook jew mill-website tal-parroċċa. Min japplika, dakinhar irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn ġenitur/kustodju legali li jkun vaċċinat. Matul il-purċissjoni kulħadd għandu jkun liebes maskra.

Il-purċissjoni se tibda fis-6.45pm miċ-Ċentru Ta’ Warda u tintemm fil-Knisja Arċipretali, fejn issir ċelebrazzjoni mill-membri tal-MUSEUM. Importanti li min japplika jkun ħdejn iċ-Ċentru mhux aktar tard mis-6.30pm u josserva d-direzzjoni mogħtija mill-helpers.

Quddies ta’ lejlet u nhar il-Milied

F’Lejliet il-Milied il-quddies ikun fil-5.00pm u fis-6.30pm. Aktar tard, fid-9.00pm ikun hawn quddiesa tal-lejl tal-Milied bil-prietka tat-tifel. Fil-11.00pm tibda Velja segwita mill-quddiesa tal-Lejl tal-Milied. Nitlobkom issegwu l-programm li kopji tiegħu jinsabu ħdejn il-bieb il-kbir tal-Knisja Arċipretali.

Nhar il-Milied filgħodu l-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Fl-10.00am ikollna quddiesa speċjali għall-familji u t-tfal u fiha ssir il-prietka tradizzjonali. Filgħaxija l-quddies ikun fil-5.00pm u fis-6.30pm.

Nitolbu għal ħuna Francis Grima li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tielet Ħadd tal-Avvent – Sena Ċ

Laqgħa tal-Grupp Padre Pio

Nhar it-Tlieta fil-Knisja Arċipretali jkun hawn il-laqgħa tal-Grupp Padre Pio li tibda bil-quddiesa fl-4.30pm.

Novena tal-Milied

Nhar l-Erbgħa nagħtu bidu għan-Novena tal-Milied. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u animata minn gruppi u għaqdiet tal-parroċċa. Fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.

Programm tal-Festi tal-Milied

Intom u ħerġin mill-knisja tistgħu tieħdu kopja tal-programm tal-festi tal-Milied. Tajjeb li ssegwu minn fuqu minħabba l-ħinijiet tal-quddies nhar il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Navża wkoll minn issa li f’lejlet il-Milied se jkun hawn żewġ quddisiet tal-Lejl tal-Milied, waħda fid-9.00pm u oħra fil-11.00pm, biex ma jinġemgħux ħafna nies f’quddiesa waħda.

Nappella ħafna sabiex insegwu d-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa, speċjalment dwar l-ilbies sew tal-maskri meta nkunu fil-knisja u f’postijiet pubbliċi. Huwa obbligu tagħna lkoll li nieħdu ħsieb is-saħħa tagħna u tal-oħrajn.

Ġbir ta’ prodotti tal-ikel (preserves)

Minn din il-ġimgħa sat-23 ta’ Diċembru se nkunu qegħdin nilqgħu affarijiet ta’ ikel biex f’dan iż-żmien tal-Milied, bħala parroċċa, ngħinu d-dar tat-tfal Dar Santa Rita, immexxija mis-sorijiet Ursolini. Huwa ġest sabiħ li ngħinu u li naħsbu fl-oħrajn fi żmien il-Milied u dejjem. Għal dan l-iskop se nkunu nistgħu nqegħdu l-affarijiet li nġibu fuq l-altar tal-Kunċizzjoni.

Pussess ta’ Kanonku Effettiv għal Dun Jesmond Grech

Nifirħu lill-Kanonku Dun Jesmond Grech, li jservi fil-parroċċa tagħna, li ngħata l-pussess bħala Kanonku Effettiv tal-Kapitlu tal-Proto-Kolleġġjata u Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.

Ġabra b’riżq il-Knisja – Grazzi

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-knisja kienet ta’ €1,246. Nirringrazzjakom ħafna.

Nitolbu għal ħutna Anna Formosa u Maria Stella Grech, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tieni Ħadd tal-Avvent – Sena Ċ

Laqgħa Kunsill Pastorali Parrokjali

Nhar it-Tnejn, 6 ta’ Diċembru jiltaqa’ l-Kunsill Pastorali Parrokkjali fis-7.00pm.

Festa tal-Kunċizzjoni

Nhar l-Erbgħa 8 ta’ Diċembru niċċelebraw is-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Għalkemm mhix festa kmandata, ikun jixraq li nieħdu sehem fil-quddiesa. Dakinhar fis-7.30am u fis-6.00pm se tingħad it-talba tar-Rużarju quddiem Ġesù Sagramentat. Il-quddies fil-Knisja Arċipretali ikun bħal nhar ta’ xogħol.

Kunċert fl-okkażjoni tal-150 sena tal-miġja tal-istata ta’ San Ġużepp

Nhar l-Erbgħa 8 ta’ Diċembru, fil-Knisja Arċipretali, fit-7.45pm (tmienja neqsin kwart ta’ filgħaxija) se jsir kunċert mill-Banda De Rohan fl-okkażjoni tal-150 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Ġużepp fil-parroċċa u l-150 sena minn meta San Ġużepp ġie dikjarat Patrun tal-Knisja Universali. Waqt li se jkunu qegħdin jinżammu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà tas-saħħa, kulħadd huwa mistieden. 

Adorazzjoni

Il-Ħamis fis-6.00pm ikollna Adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija fuq it-tema tal-Liturġija tat-Tielet Ħadd tal-Avvent.

Laqgħa għall-għarajjes

Nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Diċembru, se ssir laqgħa għall-koppji għarajjes li se jiżżewġu s-sena d-dieħla (2022). Il-laqgħa se ssir fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù fis-7.30pm. Jekk hawn xi koppji li ma rċevewx stedina, jistgħu jattendu xorta waħda.

Kitbiet ta’ Quddies

Infakkar li dawk li jixtiequ jiktbu quddies għall-għeżież tagħhom bejn Jannar u Ġunju tas-sena d-dieħla, għandhom ikellmu lil xi ħadd minna s-saċerdoti fis-sagristija.