L-Għid il-Kbir – Sena Ċ

Ħadd il-Għid

Fid-9.00am toħroġ il-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt (ma jkunx hawn quddiesa fid-9.00am). Fl-10.00am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.

Adorazzjoni

Nhar it-Tlieta, 19 ta’ April fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella għand is-Sorijiet.

Ringrazzjament

Nirringrazzjaw lil:

  • Kunsill Lokali u l-Pulizija għad-disponibbiltà u s-servizz tagħhom f’dawn il-ġranet.
  • Il-Kumittat responsabbli mill-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li rsistew u ħadmu ħafna.
  • Dawk li offrew li jieħdu sehem u jgħinu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
  • Is-saċerdoti, il-Kor u l-Abbatini għas-sehem tagħhom waqt il-funzjonijiet liturġiċi.
  • Is-sagristani u helpers li ramaw il-knisja.
  • Il-grupp tan-nisa li jieħdu ħsieb it-tindif tal-knisja.
  • Dawk li jieħdu ħsieb id-daqq tal-qniepen.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret il-Ħadd li għadda kienet ta’ €1,718.

Restawr tal-Kampnar

Minn nhar it-Tnejn, 18 ta’ April, se jibda jintrama l-armar mad-dawra tal-koppla u jibda x-xogħol ta’ restawr.

Tqassim ta’ Fuljetti jew Materjal Stampat

Nixtieq nagħmel appell biex insib persuni li jkunu lesti jieħdu l-inkarigu li jqassmu xi leaflets u materjal stampat fid-djar. Min lest li jgħin javviċinani u jagħtini d-dettalji tiegħu. Jekk hemm persuni li kienu jagħtu dan is-servizz qabel u jixtiequ jkomplu, nitlobhom ukoll jagħtuni d-dettalji tagħhom.

Kor Parrokkjali

Qed nagħmlu sejħa wkoll għal dawk li jixtiequ jingħaqdu mal-Kor Parrokkjali. Dawk interessati jkellmuni fis-sagristija.

Awguri għall-Għid

F’isem il-Kleru u l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, nawguraw lil kulħadd l-Għid it-tajjeb.

Ħadd il-Palm – Sena Ċ

Ġimgħa Mqaddsa – Ħadd il-Palm

Qegħdin nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tifkira solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Fid-9.30am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa. Infakkar li l-quddiesa tad-9.00am ma ssirx minħabba din iċ-ċelebrazzjoni.

Pellegrinaġġ tad-Duluri

Il-Ħadd, 10 ta’ April, filgħaxija se jsir il-pellegrinaġġ tad-Duluri. Għaldaqstant għada (illejla) l-ewwel quddiesa filgħaxija se tkun fil-5.00pm u fis-5.45pm joħroġ il-pellegrinaġġ. Wara jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm bħas-soltu.

Programm Ġimgħa Mqaddsa

It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa jkollna dan il-programm: fis-6.40pm ngħidu flimkien it-talba tal-Għasar, fis-7.00pm il-quddiesa u wara ċelebrazzjoni għal din il-Ġimgħa Mqaddsa. It-Tnejn ir-Rużarju tat-Tbatija quddiem Ġesu’ Sagramentat, it-Tlieta meditazzjoni fuq il-Wiċċ ta’ Kristu u l-Erbgħa Via Sagra.

Laqgħa Padre Pio

Nhar it-Tlieta, 12 ta’ April, issir il-laqgħa tal-Grupp ta’ Padre Pio fl-4.30pm. Ikun hawn rużarju u quddiesa. Imexxi Fr Philip Cutajar.

Ħamis ix-XIrka

Nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu ma jkunx hawn quddies. L-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni bit-Tberik taż-Żjut fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann flimkien mas-saċerdoti. Fis-7.00pm tibda l-Funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka u fi tmiem il-quddiesa Ġesu’ Ewkaristija jittieħed proċessjonalment fl-altar tal-adorazzjoni u minn dak il-ħin inkunu nistgħu nagħmlu l-viżti u l-adorazzjoni tagħna. Fl-10.30pm ikun hawn velja ta’ talb u f’nofsillejl tagħlaq il-knisja.

Ġimgħa l-Kbira

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja tiftaħ fis-7.00am. Fit-8.00am nistednukom għat-talb tal-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta Sbiħ il-Jum magħna s-saċerdoti. Imbagħad ikompli l-ħin tal-viżti sa nofsinhar. Fit-3.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-adorazzjoni tas-salib u wara toħroġ il-purċissjoni kif indikat fil-programm.

Sibt il-Għid u Kristu Rxoxt

Is-Sibt fit-8.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Vġili tal-Għid. Nhar Ħadd il-Għid fid-9.00am toħroġ il-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt (ma jkunx hawn quddiesa fid-9.00am). Fl-10.00am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. Dakinhar it-tfal iġibu l-Karus ta’ Mħabba. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.

Ġbir ta’ flus mill-Azzjoni Kattolika

L-Azzjoni Kattolika, permezz tas-Segretarjat Assistenza Soċjali, matul dawn il-ġranet torganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Inħeġġiġkom biex ngħinu l-ħidma ta’ karita’ li twettaq l-Azzjoni Kattolika ma’ familji u persuni fil-bżonn billi nagħtu xi offerta ta’ flus fil-kaxxa li hawn ħdejn l-altar.

Programm Festi tal-Għid – fuljett

Biex tkunu tistgħu ssegwu aħjar il-programm tal-festi tal-Għid, tistgħu tieħdu leaflet bid-dettalji u l-ħinijiet intom u ħerġin mill-knisja minn ħdejn il-bibien tal-knisja.

Nitolbu għal ħutna David Mallia, Paul Casha u Grace Taliana, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Il-Ħames Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Quddies tal-Ħadd, 3 ta’ April

Minħabba li l-Ħadd filgħodu s-saċerdoti mistennija jieħdu sehem fil-quddiesa li l-Papa se jiċċelebra fuq il-Fosos, l-aħħar quddiesa filgħodu tkun tat-8.00am. Filgħaxija jkun hemm quddies fil-5.30pm u fis-7.00pm, u fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ jkun hemm quddiesa fis-6.30pm.

Tibdil fil-ħin tal-quddies fost il-ġimgħa

Minn nhar it-Tnejn il-quddiesa ta’ filgħaxija tibda tkun fis-7.00pm.

Via Sagra għat-Tfal

It-Tnejn u t-Tlieta, 4 u 5 ta’ April, se tiġi organizzata Via Sagra għat-tfal fil-5.30pm fil-Knisja Arċipretali. It-tfal jattendu fil-ġurnata li ġiet indikata lilhom miċ-Ċentri tal-Katekiżmu.  

Qrar u Adorazzjoni

Il-Ħamis, lejlet il-festa tad-Duluri, ikun hawn il-Qrar mis-6.00pm sat-8.00pm. Waqt il-ħin tal-Qrar ikun hawn adorazzjoni fis-skiet.

Festa tad-Duluri

Il-Ġimgħa, 8 ta’ April, niċċelebraw il-festa tad-Duluri ta’ Marija Santissima. Il-quddies filgħodu jkun fis-6.00am, fis-7.00am u fit-8.00am. Fil-5.00pm ikun hawn il-Qrar u fil-5.30pm quddiesa bil-kant. Wara l-quddiesa ssir il-Via Matris (meditazzjoni fuq id-duluri ta’ Marija Santissima). Fis-7.00pm ikun hawn quddiesa oħra.

Ħadd il-Palm u l-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Ħadd, 10 ta’ April, nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tifkira solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Fid-9.30am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa. Inħeġġu t-tfal sabiex jieħdu sehem, u jekk jixtiequ, jistgħu jilbsu lbies Lhudi.

Dakinhar ma ssirx il-quddiesa tad-9.00am.

F’Ħadd il-Palm filgħaxija se jsir il-pellegrinaġġ bix-xbiha ta’ Marija Addolorata minħabba li minn dakinhar se jkunu rilaxxati r-restrizzjonijiet marbutin mal-Covid-19. Għaldaqstant nhar il-Ħadd l-ewwel quddiesa filgħaxija se tkun fil-5.00pm u fis-5.45pm joħroġ il-pellegrinaġġ. Wara jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm bħas-soltu.

Programm Festi tal-Għid

Biex tkunu tistgħu ssegwu aħjar il-programm tal-festi tal-Għid, tistgħu tieħdu leaflet bid-dettalji u l-ħinijiet intom u ħerġin mill-knisja minn ħdejn il-bieb il-kbir.

Pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla

Infakkar li l-Ħamis 7 ta’ April se jsir pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla. Min jixtieq jattendi, javviċina lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Infakkar li dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira fil-postijiet tal-Knisja jew jagħmlu forċina, għandhom jieħdu applikazzjonijiet mis-sagristija. Qed issir sejħa wkoll għall-helpers waqt il-purċissjoni. Għad fadal xi postijiet għal dawk it-tfal li jixtiequ jieħdu sehem. Ir-reġistrazzjoni ssir fil-maħżen fil-ħinijiet indikati. Inħeġġeġ lill-ġenituri biex iħajru lil uliedhom jieħdu sehem.

Nitolbu għal ħutna Joseph Cuschieri, Marthese Galea u Lorenza Bonnici, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Eżerċizzji Spiritwali għall-Koppji

Minn nhar it-Tnejn, 28 ta’ Marzu, jibdew l-Eżerċizzi għall-koppji wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Imexxi Fr Kevin Schembri.

Ħinijiet tal-Quddies

Qed naqilbu għal ħin tas-sajf. Għal din il-ġimgħa, il-quddiesa ta’ filgħaxija tibqa’ fis-6.30pm. Minn nhar is-Sibt li ġej jinbidel il-ħin tal-quddies għall-5.30pm u s-7.00pm.

Adorazzjoni fil-Parroċċa

Il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm bit-tema “L-Akbar Imħabba”, b’rabta ma’ dan iż-żmien tar-Randan.

Festa tar-Redentur

Il-Ġimgħa nagħmlu l-festa devozzjonali tar-Redentur. Minħabba li nkunu għadna ma nistgħux nagħmlu l-pellegrinaġġ, fis-5.45pm se ssir il-meditazzjoni tal-Via Sagra u wara, fis-6.30 pm, issir il-quddiesa tar-Redentur.

Festa tad-Duluri

Il-Ġimgħa ta’ wara niċċelebraw il-festa tad-Duluri ta’ Marija Santissima. Il-pellegrinaġġ bix-xbiha ta’ Marija Addolorata se jsir nhar Ħadd il-Palm filgħaxija, minħabba li minn dakinhar se jkun rilaxxati r-restrizzjonijiet marbutin mal-Covid 19.

Żjara tal-Papa f’Malta

Is-Sibt filgħodu jasal Malta l-Q.T. il-Papa Franġisku. Waqt li se nkunu nistgħu nsegwu l-avvenimenti ta’ din iż-żjara fuq il-mezzi tax-xandir u t-televiżjoni, tkun ħaġa sabiħa li nagħtuh merħba, speċjalment jekk ikun se jgħaddi mill-viċinanzi tagħna. Minħabba li l-Ħadd filgħodu, aħna s-saċerdoti mistennija li nieħdu sehem fil-quddiesa li l-Papa se jiċċelebra fuq il-Fosos, l-aħħar quddiesa filgħodu tkun tat-8.00am. Infakkar li filgħaxija jkun hawn quddies fil-5.30pm u fis-7.00pm, u fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ jkun hemm quddiesa fis-6.30pm.

Dawk kollha li nkitbu biex imorru għall-quddiesa tal-Papa bit-trasport li qed norganizzaw mill-parroċċa, navżawhom li se nitilqu minn ħdejn il-Posta fit-8.15am.

Infakkar li l-Ħamis 7 ta’ April se jsir pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla. Min jixtieq jattendi javviċina lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Applikazzjonijiet għar-Reffiegħa

Qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għal dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira fil-postijiet tal-Knisja jew jagħmlu forċina. L-applikazzjonijiet jinġabru mis-sagristija. Għad fadal xi postijiet għal dawk it-tfal li jixtiequ jieħdu sehem. Ir-reġistrazzjoni issir fil-maħżen fil-ħinijiet indikati.

Nitolbu għal ħutna Anna Borg u Doris Cortis, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tielet Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Ħamsin Sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali

Is-Sibt, 19 ta’ Marzu, Dun Frans Bonnici u Dun Salvinu Micallef qegħdin jiċċelebraw il-50 anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali tagħhom. Il-Ħadd mistednin ningħaqdu magħhom fil-quddiesa tat-8.00am biex inroddu ħajr lil Alla għad-don tas-Saċerdozju. Nifirħulhom u nawgurawlhom aktar ħidma pastorali fejjieda.

Quddiesa għaż-Żgħażagħ

Nistiednu liż-żgħażagħ tal-parroċċa għall-quddiesa tas-7.00pm (il-Ħadd) li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien tar-Randan. 

Adorazzjoni

Il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm b’riflessjoni bit-tema “Quddiem il-Kurċifiss” adattata għal dan iż-żmien tar-Randan.

L-Ewwel Qrara

Nhar is-Sibt fid-9.00am fil-Knisja Arċipretali jkun hawn l-Ewwel Qrara għat-tfal subien.

Eżerċizzi għall-Koppji

Mit-Tnejn 28 ta’ Marzu jibdew l-Eżerċizzi għall-koppji wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Imexxi Fr Kevin Schembri.

Pellegrinaġġ Redentur ta’ l-Isla

Il-Ħamis 7 ta’ April se jsir pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla. Tluq minn ħdejn il-Posta fid-8.45am. Min jixtieq jattendi javviċina lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Quddiesa tal-Papa fuq il-Fosos

Qed jiġi organizzat trasport għall-quddiesa tal-Papa fuq il-Fosos il-Ħadd 3 ta’ April filgħodu. Min hu interessat jinkiteb fis-sagristija. Infakkar li r-reġistrazzjoni u booking isiru online. Min ikollu diffikulta’ jkellimna fis-sagristija.

Purċissjoni Ġimgħa l-Kbira

Infakkar li dawk li jixtiequ jerfgħu jew jilbsu lbies ta’ persunaġġ fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, għandhom jinkitbu fil-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira f’dawn il-ġranet u ħinijiet:

  • L-Erbgħa u l-Ġimgħa mill-5.30pm sas-7.30pm;
  • Il-Ħadd mid-9.30am sa nofsinhar.

Nitolbu għal ħutna Maria Micallef, Pauline Vella, Carmelo D’Amato u Catherine Attard, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tieni Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Laqgħa Kunsill Pastorali Parrokjali

Nhar it-Tnejn jiltaqa’ l-Kunsilll Pastorali Parrokkjali fis-7.00pm fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Laqgħa Grupp tal-Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta fid-9.30am jiltaqa’ l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Adorazzjoni

Il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm b’tema marbuta ma’ dan iż-żmien tar-Randan.

Festa Liturġika San Ġużepp

Nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp. Il-quddiesa tat-8.00am tkun dik tal-festa u fiha ssir il-professjoni tal-fratelli l-ġodda. Dawk li jixtiequ jinkitbu fil-fratellanza huma mitluba jiktbu isimhom fis-sagristija.

L-Ewwel Qrara

Nhar is-Sibt ukoll, fid-9.00am, fil-Knisja Arċipretali jkun hawn l-Ewwel Qrara għat-tfal bniet li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Is-Sibt ta’ wara jkun hawn l-Ewwel Qrara għas-subien.

Ħamsin Sena Anniversarju

Dun Frans Bonnici u Dun Salvinu Micallef nhar is-Sibt li ġej se jkunu qegħdin jiċċelebraw il-50 anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali tagħhom b’quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt. L-għada l-Ħadd fit-8.00am se jiċċelebraw quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla għad-don tas-Saċerdozju flimkien. Ilkoll mistednin ningħaqdu magħhom f’din il-quddiesa.

Quddiesa Speċjzli għaż-Żgħażagħ

Nhar il-Ħadd li ġej nistiednu liż-żgħażagħ kollha għall-quddiesa tas-7.00pm li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien tar-Randan. 

Reġistrazzjoni għall-pubbliku għall-Quddiesa tal-Q.T. Papa Franġisku

Min jixtieq li jkollu post bilqiegħda għall-quddiesa li se jiċċelebra l-Papa nhar il-Ħadd 3 ta’ April fuq il-Fosos tal-Furjana, għandu jirreġistra online hawn

Jekk persuna ma tafx tapplika online, isirulha arranġamenti min-naħa tal-parroċċa. Id-dettalji qegħdin fuq in-noticeboards u l-website tal-parroċċa.

Ġabra b’Risq is-Seminarju

Il-ġabra li saret b’risq is-Seminarju u l-formazzjoni tas-seminaristi kienet ta’ €3,228. Ir-Rettur tas-Seminarju jibgħat jirringrazzjana għall-offerta ġeneruża tagħna. Il-ġabra li saret il-Ħadd li għadda b’risq il-knisja kienet ta’ €1,418. Nirringrazzjawkom ħafna.

Nitolbu għal ħutna Charles Aquilina, Carmelo Gatt, Concetta Balzan u Felic Attard, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

L-Ewwel Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp

Nhar it-Tlieta fl-10.00am issir l-Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet, immexxija mis-Soċju tal-MUSEUM Joe Fenech.

Laqgħa Grupp Padre Pio

It-Tlieta wkoll, fl-4.30pm imiss laqgħa oħra tal-Grupp ta’ Padre Pio li tinkludi quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Adorazzjoin fil-Parroċċa

Il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm fuq it-tema tal-liturġija tat-Tieni Ħadd tar-Randan.

Meditazzjoni u Via Sagra

Matul iż-żmien tar-Randan, kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa, issir il-meditazzjoni u t-talba tal-Via Sagra: filgħodu wara l-quddiesa tat-8.00am u fis-6.00pm qabel il-quddiesa ta’ filgħaxija.

Fratellanza San Ġużepp

Il-Fratellanza ta’ San Ġużepp qed tagħmel stedina lil dawk l-irġiel kif ukoll nisa li jixtiequ jinkitbu fil-Fratellanza. Min jixtieq jinkiteb jista’ jħalli ismu fis-Sagristija jew javviċina lil xi ħadd mill-membri fil-Każin San Ġużepp sal-Ħadd 13 ta’ Marzu. Il-professjoni tal-fratelli l-ġodda issir nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu fil-quddiesa tat-8.00am.

Nitolbu għal oħtna Katarina Spiteri li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tmien Ħadd matul is-Sena Ċ

Randan

Nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Marzu, nagħtu bidu għar-Randan Imqaddes bi tħejjija għall-Festi tal-Għid. Fil-quddies kollu ssir iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-Irmied.

  • Fil-5.00pm se ssir quddiesa animata għat-tfal u l-ġenituri.
  • Fis-6.00pm tibda ċelebrazzjoni ta’ talb u adorazzjoni fil-bidu tar-Randan. 
  • Fis-6.30pm quddiesa konċelebrata li fiha wkoll isir it-tqegħid tal-Irmied.

Infakkru li dakinhar huwa jum ta’ sawm u astinenza. Ningħaqdu mal-Q.T. il-Papa biex din il-ġurnata noffruha għall-paċi fid-dinja speċjalment għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna.

Adorazzjoni

Il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm fuq it-tema tal-liturġija tal-Ewwel Ħadd tar-Randan.

L-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar

Il-Ġimgħa, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, minn wara l-quddiesa tas-7.00am sa qabel il-quddiesa tat-8.00am ikun hawn ħin ta’ adorazzjoni fis-skiet quddiem Ġesù Ewkaristija li jintemm bil-barka sagramentali.

Via Sagra

Matul iż-żmien tar-Randan, kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa, tingħad it-talba tal-Via Sagra fis-6.00pm, qabel il-quddiesa ta’ filgħaxija.

Sehem fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, navża li l-kitba tista’ ssir f’dawn il-ġranet u ħinijiet:

  • L-Erbgħa u l-Ġimgħa mill-5.30pm sas-7.30pm;
  • Il-Ħadd mid-9.30am sa nofsinhar.

Is-Sitt Ħadd matul is-Sena Ċ

Adorazzjoni fil-Knisja Parrokjali

Il-Ħamis 24 ta’ Frar, fis-6.00pm jkun hemm adorazzjoni qabel il-quddiesa bit-tema tal-liturġija tal-Ħadd.

Laqgħa għall-Adolexxenti (Form 2)

Il-Ħamis 24 ta’ Frar, fis-7.00pm ikun hemm laqgħa għall-adolexxenti li qiegħdin Form 2, fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Min jixtieq jingħaqad ma’ dan il-grupp jista’ jattendi għal-laqgħa ta’ nhar il-Ħamis.

Il-grupp taż-Żgħażagħ tal-Leġjun ta’ Marija

Dan il-grupp jiltaqgħu kull nhar ta’ Ġimgħa fis-7.00pm, u se jorganizzaw hike nhar il-Ħadd 27 ta’ Frar. Min hu interessat f’din l-attività u jixtieq jipparteċipa magħhom jista’ jsib aktar informazzjoni fuq in-noticeboards tal-Knisja jew fuq il-paġna tal-Facebook tal-parroċċa.

Purċissjoni Ġimgħa l-Kbira

Kif kien imħabbar dan l-aħħar, jekk is-sitwazzjoni tal-Covid-19 tibqa’ taħt kontroll, il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira se ssir bħas-soltu fil-15 ta’ April. Min jixtieq jieħu sehem għandu jkellem lil Pawlu Azzopardi mill-Ħadd 20 ta’ Frar. Il-kitba ssir fil-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira f’dawn il-ġranet u ħinijiet:

  • l-Ħadd bejn id-9.00am u nofsinhar;
  • I-Tlieta u l-Ħamis bejn is-6.00pm u t-8.00pm.

L-organizzazzjoni kollha tal-purċissjoni ssir skont kif jippermettu l-linji gwida u l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika.

Ġabra b’riżq is-Seminarju

Fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej se ssir il-ġabra li nagħmlu kull sena b’riżq is-Seminarju, il-post li jagħti formazzjoni lil dawk li jkunu qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Hu dmir tagħna li ngħinu lis-Seminarju u nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Nitolbu għal oħtna Giovanna Zammit li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Is-Sitt Ħadd matul is-Sena Ċ

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta, 15 ta’ Frar, jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja, fid-9.30am, fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Quddiesa għall-Miżżewġin

Nhar l-Erbgħa, il-Kummissjoni Familja tal-Parroċċa, flimkien mal-Azzjoni Kattolika Adulti, qed tistieden lill-koppji miżżewġin għall-quddiesa tas-6.30pm, organizzata b’mod speċjali għalihom. Dawk il-koppji li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom huma mistiedna li jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tagħhom. Fi tmiem il-quddiesa, il-koppji jingħataw tifkira tal-okkażjoni.

Adorazzjoni

Nhar il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm qabel il-quddiesa bit-tema tal-liturġija tal-Ħadd.

Għoti tad-Demm

Il-Ħadd, 13 ta’ Frar, bejn it-8.30am u s-1.00pm se jkun hawn il-Mobile Blood Donation Unit maġenb iz-zuntier. Ikun ġest tassew sabiħ u ġeneruż li min jista’ jagħti d-demm u b’hekk ikun qiegħed jgħin lil min jinsab marid jew ikun qiegħed jirċievi trattament speċjali minħabba saħħtu. Importanti li min jersaq biex jagħti d-demm jippreżenta l-karta tal-identità.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda kienet ta’ €1,300. Nirringrazzjawkom tas-sostenn u l-għajnuna li dejjem tagħtu lill-knisja.

Nitolbu għal ħutna Albert Cachia, Gladys Teuma, Maria Vassallo u Anna Vella, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.