Tlieta u tletin Ħadd matul is-Sena B

Adorazzjoni

It-Tlieta (19/11) fil-kappella għand is-sorijiet ikun hemm Adorazzjoni animata mis-Superjur Joe Fenech fl-10.00am.

Quddies għar-Romol u Laqgħa Ġublew tat-Tama

Il-Ġimgħa (22/11), għall-quddiesa tas-6.30pm huma mistiedna r-romol li tilfu l-għeżież tagħhom. Min jixtieq jista’ jikteb isimhom fis-sagristija biex jissemmew fil-bidu tal-quddiesa.

Wara l-quddiesa, fil-Knisja Arċipretali, ikollna t-tielet laqgħa bi preparazzjoni għas-Sena tal-Ġublew tat-Tama. It-tema ta’ din il-laqgħa se tkun “Il-Pellegrinaġġ u l-Mixja tal-Ħajja Nisranija”.

Vestizzjoni Abbatini

Is-Sibt (23/11) ħdax-il tifel u tifla mill-parroċċa tagħna se jagħmlu l-Vestizzjoni tal-Abbatini fil-quddiesa tas-6.30pm fil-Knisja Arċipretali. Nawguraw lil dawn it-tfal li se jingħaqdu mal-grupp tal-abbatini u nitolbu għalihom.

Festa Kristu Sultan

Il-Ħadd (24/11) nagħlqu s-Sena Liturġika tal-Knisja bil-festa ta’ Kristu Sultan. Mons. Arċisqof se jmexxi ċelebrazzjoni ta’ talb fil-Bażilika ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, fil-5.00pm, fejn jagħti wkoll il-messaġġ tiegħu.  

Assemblea Djoċesana

Il-Ħamis u l-Ġimgħa (21/11 u 22/11) se tiltaqa’ l-Assemblea Djoċesana msejħa minn Monsinjur Arċisqof. Din l-Assemblea li ssir kull sena, iġġib flimkien mal-Arċisqof rappreżentanti ta’ għaqdiet, movimenti u gruppi pastorali fi ħdan il-Knisja Maltija. Il-laqgħat se jsiru fis-sala taċ-ĊAK Birkirkara, fis-6.00pm. Nitolbu biex din l-Assemblea tħalli frott fil-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta.

Nitolbu għall-għeżież tagħna mejtin u għall-mejtin kollha. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tnejn u tletin Ħadd matul is-Sena B

San Martin

Il-Ħadd, 10 ta’ Novembru fil-quddiesa tad-9.30am niċċelebraw il-festa ta’ San Martin għat-tfal u l-familji. Fl-10.00am ikun hemm quddiesa fiċ-ċimiterju ta’ Sant’Andrija u wara jsir it-tberik tal-oqbra.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta (12/11) jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.30am fis-Sala għand is-Sorijiet.

Laqgħa Grupp Padre Pio

L-Erbgħa (13/11) fis-6.00pm fil-Knisja Arċipretali jkun hawn il-laqgħa tal-Grupp ta’ San Padre Pio.

Laqgħa għall-adolexxenti

L-Erbgħa (13/11), fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Ta’ Warda se jkun hemm l-ewwel laqgħa  għall-adolexxenti li rċevew il-Griżma tal-Isqof, jiġifieri dawk li twieldu fis-sena 2012 (Form 2). Il-laqgħa tibda fis-7.00pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda stess. Aktar informazzjoni minn fuq in-noticeboards tal-knisja jew ikkuntattjaw lil Fr Mario.

Laqgħa bi preparazzjoni għall-Ġublew

Il-Ġimgħa (15/11), ikollna t-tieni laqgħa bi preparazzjoni għall-Ġublew tat-Tama fis-sena 2025 imħabbar mill-Papa Franġisku. Il-laqgħa se ssir fil-Knisja Arċipretali wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. It-tema ta’ din il-laqgħa se tkun “It-Tama fl-Iskrittura”. Il-laqgħa tieħu madwar 20 minuta.

Kunċert tal-Milied

Infakkru lil dawk il-ġenituri li jixtiequ li uliedhom jieħdu sehem fil-kunċert tal-Milied mill-Kor Joy Gospel Singers, li se jsir nhar is-Sibt 21 ta’ Diċembru, ġentilment huma mitluba li jimlew formola fis-sagristija.

Intenzjonijiet tal-Quddies

Dawk li jixtiequ jiktbu l-intenzjonijiet tal-quddies għax-xhur ta’ bejn Jannar u Ġunju (2025), huma mitluba jidħlu fis-sagristija u jkellmu lil xi ħadd mis-saċerdoti.

Ġabra għall-Knisja

Il-ġabra speċjali li saret nhar il-Ħadd li għadda għall-knisja kienet ta’ €1,774. Grazzi tal-ġenerożità tagħkom.

‘High Tea’

Se jsir High Tea b’risq il-missjoni li żgħażagħ mill-parroċċa se jagħmlu fil-Peru’, nhar il-Ħadd li ġej, 17 ta’ Novembru fit-3.00pm, fis-Sala għand is-Sorijiet. Bookings mis-sagristija.

Nitolbu għal oħtna Filippa Bartolo li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem u għall-mejtin kollha. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Wieħed u tletin Ħadd matul is-Sena B

Quddiesa fiċ-Ċimiterju

Il-Ħadd, fl-4.00pm ikun hemm quddiesa fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’ u wara jsir it-tberik tal-oqbra. Matul ix-xahar ta’ Novembru, iċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’ jkun miftuħ kuljum bejn is-7.00am u t-3.30pm. Waqt li nirringrazzjaw li min qed jieħu l-inkarigu li jiftaħ u jara li l-post jinżamm nadif b’mod volontarju, napprezza ħafna l-koperazzjoni ta’ kulħadd biex nieħdu ħsieb li jibqa’ nadif kif jixraq. 

Laqgħat bi preparazzjoni għall-Ġublew

Mill-Ħamis li ġej, 7 ta’ Novembru, se jibdew laqgħat ta’ tagħlim bi preparazzjoni għall-Ġublew tat-Tama fis-sena 2025 imħabbar mill-Papa Franġisku. Dawn il-laqgħat se jkunu darba fil-ġimgħa matul Novembru u l-bidu ta’ Diċembru. Il-laqgħat se jsiru fil-Knisja Arċipretali wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. It-tema tal-ewwel laqgħa se tkun ”It-Tifsira tal-Ġublew”. Il-laqgħa tieħu madwar 20 minuta.

Festa ta’ San Martin

Il-Ħadd, 10 ta’ Novembru, fil-quddiesa tad-9.30am niċċelebraw il-festa ta’ San Martin. Inħeġġu lill-familji bit-tfal biex jattendu. Nistiednu lit-tfal biex iġibu magħhom għotjiet tal-ikel biex ngħinu familji fil-bżonn.

Quddies u tberik tal-oqbra

Il-Ħadd, 10 ta’ Novembru fl-10.00am, issir quddiesa fiċ-ċimiterju ta’ Sant’Andrija u wara jsir it-tberik tal-oqbra.

Grupp ġdid għall-adolexxenti

Fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Ta’ Warda se nibdew grupp ġdid għall-adolexxenti li rċevew il-Griżma tal-Isqof, jiġifieri dawk li twieldu fis-sena 2012 (Form 2). L-ewwel laqgħa għal dan il-grupp se ssir nhar l-Erbgħa 13 ta’ Novembru fis-7.00pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Aktar informazzjoni minn fuq in-noticeboards tal-knisja jew ikkuntattjaw lil Fr Mario.

Kunċert mill-Kor Joy Gospel

F’Diċembru qrib il-Milied (is-Sibt 21 ta’ Diċembru) il-Kor Joy Gospel Singers se jagħtu kunċert fil-Knisja Arċipretali li se jkun b’riżq id-Dar tal-Providenza. Hija xewqa tad-direttriċi tal-Kor li tinvolvi t-tfal tal-parroċċa f’dan il-kunċert. Jekk hawn xi ġenituri li jixtiequ li uliedhom jieħdu sehem huma mitluba li jieħdu formola mis-sagristija.

Coffee Morning

It-Tlieta 12 ta’ Novembru se jsir coffee morning b’riżq il-knisja, fid-9.30am, fis-Sala tas-Sorijiet. Min jixtieq jattendi jkellem lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Nitolbu għal oħtna Carmen Balzan, li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem, u għall-mejtin kollha. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tletin Ħadd matul is-Sena B

Ħinijiet tal-Quddies

Issa li qlibna għall-ħin tax-xitwa, infakkru li l-ħin tal-quddies filgħaxija ma jinbidilx.

Laqgħa dwar is-Saħħa Mentali

It-Tlieta 29 ta’ Ottubru, fis-7.30pm, il-Kummissjoni Djakonija flimkien mal-Occupational Therapist Maria Daniela Farrugia u Dr Antonella Sammut, konsulenta tas-saħħa pubblika, se jorganizzaw laqgħa ta’ formazzjoni għall-adulti bl-isem “Mental Health Matters”. Il-laqgħa se ssir fis-sala tas-sorijiet. F’din il-laqgħa, il-professjonisti se jgħinuna nagħrfu kif għandna nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna u kif għandna ngħinu lil min hu għaddej minn żminijiet diffiċli.

Festa tal-Qaddisin Kollha

Il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin Kollha u l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikun hawn adorazzjoni fis-skiet minn wara l-quddiesa tas-7.00am li tintemm bil-Barka Sagramentali qabel il-quddiesa tat-8.00am. Fis-6.00pm ikollna quddiesa għat-tfal fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu lit-tfal jiġu lebsin tal-qaddis/a favorit/a tagħhom jew b’ilbies ikkulurit. Wara jkun hemm attività varjata għat-tfal. Navżaw li din se tkun l-unika quddiesa filgħaxija u ma jkunx hawn quddiesa fis-6.30pm. Navżaw ukoll li nhar il-Ġimgħa l-Uffiċċju Parrokkjali se jkun magħluq.

L-Għid tal-Imwiet

Is-Sibt 2 ta’ Novembru, niċċelebraw l-Għid tal-Imwiet. Niftakru f’ħutna l-mejtin. Il-quddies filgħodu jibda fis-6.00am u jkompli kull nofs siegħa bl-aħħar quddiesa tkun fit-8.00am. Fis-5.15pm issir konċelebrazzjoni biex nitolbu għal ħutna l-mejtin, b’mod speċjali dawk li mietu minn Novembru tas-sena l-oħra ’l hawn. Inħeġġu lill-qraba tagħhom biex jieħdu sehem f’din il-quddiesa.

Quddies fiċ-Ċimiterju

Il-Ħadd li ġej, 3 ta’ Novembru, fl-4.00pm ikun hemm quddiesa fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’ u wara jsir it-tberik tal-oqbra. It-tberik taċ-ċimiterju ta’ Sant’Andrija jsir il-Ħadd ta’ wara, 10 ta’ Novembru, fl-10.00am.

Matul ix-xahar ta’ Novembru, iċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ kuljum mis-7.00am sat-3.30pm.

Ġabra b’risq il-Missjoni

Il-ġbir li sar fil-quddies is-Sibt u l-Ħadd li għadda fil-Knisja Arċipretali u fil-knejjes l-oħra b’riżq il-Missjoni kien ta’ €4,600.

Priedka tal-Milied

Infakkru li dawk it-tfal subien u bniet li jixtiequ jagħmlu l-prietka tal-Milied, il-ġenituri tagħhom huma mitluba li jiktbuhom fis-sagristija.

Bake Sale b’risq il-Missjoni

Illum fuq iz-zuntier qed isir Bake Sale (bejgħ ta’ kejkijiet u ħelu) b’risq il-missjoni li grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna se jagħmel fil-Perù. Ħaġa sabiħa li ngħinu f’din l-inizjattiva.

Nitolbu għal Marion Vella, Saviour Cilia u Frances Camilleri, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Disgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena B

Rużarju fil-Beraħ

Il-Leġjun ta’ Marija se jorganizza Rużarju fil-beraħ minn għada t-Tnejn (21/10) sa nhar il-Ġimgħa li ġej fil-pjazza ta’ Ħal Dwieli. Ir-Rużarju jibda fis-6.00pm u l-Ġimgħa jkun hemm quddiesa fil-pjazza wara r-Rużarju. Inħeġġu lil min jista’ sabiex jattendi, b’mod speċjali lil dawk li joqogħdu f’din iż-żona.

Adorazzjoni

It-Tlieta (22/10) fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin

Il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru, se ssir laqgħa għall-koppji miżżewġin, fis-7.00pm, fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali, organizzata mill-Kummissjoni Familja. Il-kelliem se jkun Fr Ivan Attard OP.

Kunċert Kommemorattiv mill-Banda San Filep

Il-Ġimgħa wkoll se jittella’ Kunċert Kommemorattiv mill-Għaqda Każin Banda San Filep fil-Knisja Arċipretali. Min jixtieq jattendi huwa ġentilment mitlub li jkun fil-knisja fis-7.30pm. Kulħadd huwa mistieden.

Festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja

Nhar il-Ħadd li ġej 29 ta’ Ottubru niċċelebraw il-festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja. Festa li tfakkarna li l-Knisja hija aħna, il-poplu ta’ Alla, li niġu f’dan il-post qaddis biex nagħtu qima lil Alla. Il-quddiesa tal-5.15pm is-Sibt tkun kantata u l-Ħadd il-quddiesa tad-9.30am tkun animata għat-tfal b’din it-tema.  

Festa tal-Qaddisin Kollha

Il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin Kollha, se ssir quddiesa għat-tfal kollha fil-Knisja Arċipretali fis-6.00pm. Nistiednu lit-tfal jiġu lebsin tal-qaddis/a favorit/a tagħhom jew b’ilbies abjad. Wara l-quddiesa jkun hemm attività varjata għalihom fuq iz-zuntier.

Ġabra għall-Missjoni

Il-Knisja, mad-dinja kollha, illum qed tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. L-Opri Missjunarji Pontifiċji (illum magħrufin bħala MISSIO) jgħinu diversi missjunarji, kemm Maltin u oħrajn, li jitolbu għajnuna biex jibnu knejjes, iżommu skejjel, iwaqqfu sptarijiet u jikkuraw morda, jassistu u jilqgħu fi djar apposta familji u tfal abbandunati u jipprovdulhom il-bżonnijiet l-aktar essenzjali. Għaldaqstant, bil-ġbir li jsir fil-quddies ta’ dan it-tmiem il-ġimgħa, inkunu qed ngħinu din il-ħidma missjunarja tal-Knisja f’dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonn ħafna assistenza.

Nitolbu għal ħutna Antonia Attard u Noè Farrugia, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tmienja u Għoxrin Ħadd matul is-Sena B

Festa ta’ San Franġisk

Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk u Jum il-Ħolqien, qed nistiednu lit-tfal biex iġibu l-pets u l-annimali tagħhom biex jitbierku fil-quddiesa tad-9.30am li se tkun iċċelebrata fuq iz-zuntier tal-knisja. Din l-attività qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali.

Laqgħat ta’ Katekeżi

Minn nhar it-Tnejn (14/10) jibdew il-laqgħat ta’ Katekeżi fis-Sala tas-Sorijiet, fis-7.30pm. Dawn il-laqgħat, immexxija minn membri tal-Mixja Neokatekumenali, ikomplu kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis fil-ġimgħat li ġejjin.

Qrar fil-Museum tas-Subien

It-Tlieta (15/10) fis-7.00pm, fil-MUSEUM tas-Subien ikun hemm il-qrar għas-subien li se jersqu għas-Sagrament tal-Griżma.

Seminar mis-Sezzjoni Femminili tal-MUSEUM

Il-Ħamis 17 ta’ Ottubru mid-9.15am san-12.30pm se jkun qed jiġi organizzat seminar għal kulħaddU imtella’ mis-sezzjoni femminili tal-MUSEUM. Dan se jsir fil-qasam tal-MUSEUM tas-Siġġiewi. Se jkun hemm taħdita fuq it-Tama Nisranija u oħra fuq il-wellbeing tagħna. Inħeġġu lil dawk kollha li jistgħu sabiex jattendu.

Qrar bi preparazzjoni għas-Sagrament tal-Griżma

Il-Ġimgħa filgħaxija mis-6.00pm sat-8.00pm u l-għada s-Sibt mit-8.00am sal-10.00am ikun hawn servizz ta’ qrar għall-ġenituri u parrini bi preparazzjoni għas-sagrament tal-Griżma.

Ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Griżma

Nhar is-Sibt (19/10) fl-4.30pm jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Griżma għall-bniet. Il-Ħadd (20/10) fid-9.15am jirċievu l-Griżma s-subien. Nifirħu lil dawk li se jirċievu dan is-Sagrament u nitolbu għalihom.

Ġurnata Missjunarja

Il-Ħadd li ġej, 20 ta’ Ottubru, il-Knisja tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. L-Opri Missjunarji Pontifiċji (illum magħrufin bħala MISSIO) jgħinu diversi missjunarji, kemm Maltin u oħrajn, li jitolbu għajnuna biex jibnu knejjes, iżommu skejjel, iwaqqfu sptarijiet u jikkuraw morda, jassistu u jilqgħu fi djar apposta familji u tfal abbandunati u jipprovdulhom il-bżonnijiet l-aktar essenzjali. Għaldaqstant, bil-ġbir li jsir fil-quddies is-Sibt u l-Ħadd li ġej, inkunu qed ngħinu din il-ħidma missjunarja tal-Knisja f’dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonn ħafna assistenza.

Ġabra Speċjali

Il-ġbir li sar fil-quddies nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-knisja kien ta’ €1,820. Nirringrazzjawkom dejjem tal-għajnuna u s-sostenn li tagħtu lill-knisja.

Nitolbu għal ħutna Roderick Camilleri u Dominic Spiteri, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Sebgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena B

Festa tal-Madonna tar-Rużarju

Il-Ħadd, 6 ta’ Ottubru niċċelebraw il-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Fl-4.30pm tingħad it-talba tal-Għasar, fil-5.00pm quddiesa kantata bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u wara purċissjoni bix-xbiha tal-Madonna akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju. Wara l-purċissjoni jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm.

Il-Papa Franġisku qiegħed jagħmlilna sejħa biex nhar it-Tnejn 7 ta’ Ottubru 2024, Festa tal-Madonna tar-Rużarju, ikun Jum ta’ Talb u Sawm għall-Paċi fid-dinja. Inħeġġukom tilqgħu dan l-appell tal-Papa u flimkien nissieħbu miegħu f’din l-intenzjoni fit-talb tagħna.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta 8 ta’ Ottubru, fid-9.30am jiltaqa’ l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja għand is-sorijiet.

Laqgħa Grupp San Padre Pio

L-Erbgħa 9 ta’ Ottubru jmiss il-laqgħa tal-Grupp ta’ San Padre Pio li tibda bir-rużarju fis-6.00pm u tkompli bil-quddiesa ta’ filgħaxija. Din il-laqgħa se tibda ssir kull tieni Erbgħa tax-xahar.

Qrar għall-bniet li ser jagħmlu l-Griżma ta’ l-Isqof

Il-Ħamis, 10 ta’ Ottubru, fis-5.45pm, fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet, se jsir il-qrar għall-bniet li se jersqu għas-Sagrament tal-Griżma.

Grupp l-Anġli Tagħna

Minn nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru jerġa’ jibda jiltaqa’ l-grupp ‘L-Anġli Tagħna’ għal dawk il-persuni bi bżonnijiet speċjali. Il-grupp jiltaqa’ kull nhar ta’ Ġimgħa bejn il-5.00pm u s-7.00pm f’Villa San Filep.

Festa ta’ San Franġisk

Il-Ħadd 8 ta’ Ottubru, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk, qed nistiednu lit-tfal biex iġibu l-pets u l-annimali tagħhom biex jitbierku fil-quddiesa tad-9.30am li se tkun iċċelebrata fuq iz-zuntier tal-knisja. Din iċ-ċelebrazzjoni qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali.

Quddies tal-5:30pm tal-Ħadd

Minn nhar il-Ħadd 13 ta’ Ottubru jibda jkun hawn il-quddiesa tal-5.30pm ta’ filgħaxija.

L-Ewwel Tqarbina

Id-dati tal-Ewwel Tqarbina għas-sena d-dieħla 2025 se jkunu s-Sibt 24 ta’ Mejju fl-4.30pm għall-bniet u l-Ħadd 25 ta’ Mejju fid-9.15am għas-subien.

Ġabra Speċjali

Fl-ewwel Ħadd tax-xahar issir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja. Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.

Nitolbu għal ħutna Agnese Azzopardi, Ġanni Tabone u Nikol Ciscaldi, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Sitta u Għoxrin Ħadd matul is-Sena A

Festa tal-Madonna tal-Grazzja

Qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja dedikata lilha. (Il-Ħadd filgħodu ikun hemm quddies fis-7.00am u fit-8.30am). Fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali.

Bidu tal-Katekiżmu

Mit-Tnejn 30 ta’ Settembru jibda t-tagħlim tal-Katekiżmu fil-MUSEUM tas-Subien u fiċ-Ċentru tal-Azzjoni Kattolika. Mit-Tnejn 7 ta’ Ottubru jibda l-Katekiżmu fil-MUSEUM tal-Bniet.

Rużarju u espożizzjoni tal-Ewkaristija

Matul ix-xahar ta’ Ottubru, fis-6.00pm issir l-espożizzjoni tal-Ewkaristija u jingħad ir-Rużarju li jintemm bil-Barka Sagramentali qabel il-quddiesa.

Adorazzjoni

Il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikun hawn adorazzjoni fis-skiet quddiem l-Ewkaristija minn wara l-quddiesa tas-7.00am. Dakinhar imħeġġa nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali.

Festa tal-Madonna tar-Rużarju

Il-Ħadd li ġej 6 ta’ Ottubru, niċċelebraw il-festa tal-Madonna tar-Rużarju.

  • L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa ikunu ġranet tat-Tridu. Fis-6.00pm jingħad ir-Rużarju quddiem Ġesu’ Sagramentat u fis-6.30pm quddiesa bil-kant.
  • Il-Ħadd filgħaxija, fl-4.30pm tingħad it-talba tal-Għasar, fil-5.00pm quddiesa kantata bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u wara purċissjoni bix-xbiha tal-Madonna akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju, li se tgħaddi minn dawn it-toroq: Sant’Antnin, Mula, Mamo, Santu Rokku u l-Kbira.

Wara l-purċissjoni jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm. Inħeġġu biex min jixtieq jakkumpanja bħala fratell mal-fratellanza tar-Rużarju fil-purċissjoni jinkiteb fis-sagristija.

Attivita’ Soċjali miż-żgħażagħ tal-Leġjun ta’ Marija

Il-Ħadd 6 ta’ Ottubru bejn id-9.00am u l-11.00am se ssir attività soċjali bejn żgħażagħ u anzjani organizzata mill-grupp taż-żgħażagħ tal-Legjun ta’ Marija. L-attività se ssir fis-Sala tas-Sorijiet. Aktar dettalji jinsabu fil-poster li hemm fin-noticeboards tal-Knisja.

Buffet Breakfast b’risq il-missjoni

It-Tlieta 1 ta’ Ottubru jkollna Buffet Breakfast b’risq il-missjoni li grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna se jagħmlu fil-Perù s-sena d-dieħla. Għal aktar informazzjoni u bookings ikkuntattjaw lill-membri tal-Grupp tal-Fundraising.

Sejħa għall-abbatini

Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom b’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini, jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.

Ġabra għall-Art Imqaddsa

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda għall-Art Imqaddsa kienet ta’ €2,276.

Ħamsa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena B

Tberik tal-Baktijiet tal-Iskola

Il-Ħadd, 22 ta’ Settembru fil-Quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tal-basktijiet tal-iskola. It-tfal kollha huma mħeġġa li jattendu u jġibu magħhom il-basket jew il-pocket tagħhom tal-iskola biex jitbierek.

Laqgħat tal-Azzjoni Kattolika

Minn nhar l-Erbgħa jibdew il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika għan-nisa wara l-waqfa tas-sajf. Il-laqgħat ikunu kull nhar ta’ Erbgħa fid-9.30am fis-sala għand is-sorijiet. Jekk hawn xi nisa li jixtiequ jingħaqdu ma’ dan il-grupp huma mistiedna għal-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa li se tibda b’quddiesa.

Festa Madonna tal-Grazzja

Nhar il-Ħadd, 29 ta’ Sttembru, tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja ddedikata lilha fil-parroċċa tagħna. Bi preparazzjoni, matul il-ġimgħa (mit-Tnejn sas-Sibt) jingħad ir-Rużarju fis-6.45pm u fis-7.00pm issir quddiesa.

Il-Ħadd fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali. Aktar dettalji dwar l-attivitajiet marbutin ma’ din il-festa ssibuhom fil-programm li hemm fin-noticeboards.

Sejħa għall-abbatini

Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.

Playgroup mill-Moviment ta’ Kana

Il-Moviment ta’ Kana qed jorganizza Playgroup għat-tfal ta’ bejn sena u 3 snin kull nhar ta’ Tnejn fiċ-Ċentru Ta’ Warda mis-7 ta’ Ottubru ’l quddiem. Iktar dettalji fuq in-noticeboards.

Buffet Breakfast

Nhar it-Tlieta 1 ta’ Ottubru se jiġi organizzat Buffet Breakfast b’risq il-missjoni fil-Peru’ li grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna se jagħmlu s-sena d-dieħla. Għal bookings u informazzjoni, ikkuntattjaw lill-membri tal-Grupp tal-Fundraising.

Ġabra għall-Art Imqaddsa

Il-ġabra li se ssir fil-quddiesa tkun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi. Permezz tal-offerti tagħna nkunu qed ngħinu lill-Patrijiet Franġiskani biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb is-santwarji fdati f’idejhom marbutin mal-ħajja ta’ Ġesù, u jwettqu diversi ħidmiet ta’ karità ma’ ħutna nsara li jgħixu f’dan il-post.

Nitolbu għal Antonia Fenech u Carmelo Agius, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Erbgħa u għoxrin Ħadd matul is-Sena B

Festa ta’ Marija Addolorata

Qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ Marija Addolorata. Il-Ħadd, 15 ta’ Settembru fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni minn Fr Malcolm Saliba. Wara toħroġ il-purċissjoni akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju li se tgħaddi minn Misraħ San Filep, Triq Sciortino, Triq Frans Sammut u Triq il-Kbira. Ma jkunx hawn il-quddiesa tas-7.00pm.

Adorazzjoni

It-Tlieta 17 ta’ Settembru fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp, għand is-Sorijiet.

Attivita’ tat-Tfal

It-Tlieta 17 ta’ Settembru, mill-5.30pm sas-7.30pm ikollna l-aħħar attivita’ tas-sajf għat-tfal minn Year 1 sa Year 6, fiċ-Ċentru Ta’ Warda . Dawk il-ġenituri li jixtiequ li uliedhom jattendu huma mitluba li jinkitbu fis-sagristija jew minn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa.

Laqgħa għall-ġenituri u parrini (Griżma ta’ l-Isqof)

It-Tlieta 17 ta’ Settembru, fis-7.00pm se ssir l-aħħar laqgħa għall-ġenituri u l-parrini ta’ dawk li se jagħmlu l-Ġriżma f’Ottubru. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (fid-Domus). 

Tberij tal-basktijiet tal-Iskola

Il-Ħadd 22 ta’ Settembru li ġej fil-Quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tal-basktijiet tal-iskola. It-tfal kollha huma mħeġġa li jattendu u jġibu magħhom il-basket jew il-pocket tagħhom tal-iskola biex jitbierek.

Ħidma tal-Knisja fl-Art Imqaddsa

Il-ġbir li jsir fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej ikun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa permezz tal-Patrijiet Franġiskani. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi.

Playgroup għat-Tfal

Il-Moviment ta’ Kana qed jorganizza Playgroup għat-tfal ta’ bejn sena u 3 snin kull nhar ta’ Tnejn fiċ-Ċentru Ta’ Warda mis-7 ta’ Ottubru ’l quddiem. Iktar dettalji fuq in-noticeboards.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret il-Ħadd li għadda għall-ħtiġijiet tal-knisja kienet ta’ €1,800. Nirringrazzjawkom tal-ġenerożità tagħkom.

Nitolbu għal Stella Abela, li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.