Novena tal-Milied
Minn nhar it-Tnejn, 16 ta’ Diċembru, nagħtu bidu għan-Novena tal-Milied. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u animata minn gruppi u għaqdiet tal-parroċċa. Fi tmiem il-quddiesa ssir riflessjoni u mument ta’ talb u nagħlqu bil-Barka Sagramentali.
Adorazzjoni
It-Tlieta (17/12) fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni fil-Kappella tas-Sorijiet li jmexxiha s-Superjur Joe Fenech.
Kunċert tal-Milied
Is-Sibt 21 ta’ Diċembru, fil-Knisja Arċipretali se jittella’ l-Kunċert tal-Milied mill-Joy Gospel Singers. Miegħu se jingħaqdu madwar tletin tifel u tifla mill-parroċċa tagħna. Inħeġġukom biex tattendu u tistiednu l-ħbieb tagħkom ukoll. Id-dħul se jkun bla ħlas; pero’ fi tmiem il-kunċert wieħed huwa mistieden jagħmel offerta b’risq id-Dar tal-Providenza. Minħabba l-kunċert, il-quddiesa tas-6.30pm dakinhar se ssir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus).
Tberik tal-Bambini
Nhar il-Ħadd, (15/12) fil-quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tal-Bambini. Għalhekk inħeġġu lill-familji jattendu u nistiednu lit-tfal biex iġibu magħhom il-Bambin jew xi presepju żgħir li jintramaw fid-dar biex jitbierku, kif ukoll xi għotjiet tal-ikel biex noffruhom lill-familji fil-bżonn permezz tal-Kċina ta’ Marta
Programm Festi tal-Milied
Intom u ħerġin mill-knisja tistgħu tieħdu kopja tal-programm tal-festi tal-Milied. Tajjeb li ssegwu minn fuqu minħabba l-ħinijiet tal-quddies nhar il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, kemm fil-Knisja Arċipretali kif ukoll fil-knejjes l-oħra.
Ġabra għall-Knisja
Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-knisja kienet ta’ €1,745. Nirringrazzjawkom ħafna.
Il-Kċina ta’ Marta
Matul dan iż-żmien tal-Avvent u l-Milied, il-parroċċa tagħna se tkun qed tgħin fl-inizjattiva tal-Kċina ta’ Marta li s-Segretarjat tal-Karita’ fi ħdan l-Arċidjoċesi qed jorganizza biex joffri ikel ta’ kuljum lil persuni u familji fil-bżonn. Għaldaqstant min jixtieq jgħin f’din l-inizjattiva jista’ jġib affarijiet ta’ ikel u jqegħdhom ħdejn l-artal tal-Kunċizzjoni. Dawk li jixtiequ jagħmlu offerta ta’ flus hemm kaxxa fejn wieħed jista’ jitfa’ l-offerta tiegħu. Fuq il-kaxxa hemm envelopes għal dan l-istess għan.
Monsinjur Ġużeppi de Piro
Ħdejn in-niċċa ta’ San Ġużepp hemm xi kotba u materjal ieħor marbut ma’ Monsinjur Gużeppi De Piro, fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.
Nitolbu għal Graziella Borg, Manwel Grech, Philip Cauchi, Rita Cefai u Marzia Calleja Maatouk, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.