L-Ewwel Ħadd tal-Avvent – Sena Ċ

Bidu tal-Avvent

IlĦadd (1/12) fil-quddiesa tad-9.30am isir it-tberik tal-Girlanda tal-Avvent. It-tfal huma mistiedna jġibu l-girlanda tagħhom biex titbierek waqt il-quddiesa.

Wara nofsinhar, il-Life Network Foundation se torganizza Ċelebrazzjoni tal-Ħajja bl-isem ‘March for Life’ fil-Belt Valletta. Din l-attività tibda fit-3.00pm.

Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni

It-Tlieta (3/12) fil-Knisja ta’ Sidtna Marija tal-Anġli se jkun hemm quddiesa fis-6.00pm fl-okkażjoni tal-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni li se niċċelebrawha nhar il-Ħadd 8 ta’ Diċembru.

Laqgħa għall-Għarajjes

L-Erbgħa (4/12) se ssir il-laqgħa għall-għarajjes li se jiżżewġu s-sena d-dieħla. F’din il-laqgħa l-għarajjes jingħataw informazzjoni dwar il-preparamenti meħtieġa li jridu jsiru qabel it-tieġ. Il-laqgħa se ssir fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù, fis-7.30pm.

Laqgħa bi preparazzjoni għall-Ġublew

Il-Ħamis (5/12) ikollna l-aħħar laqgħa bi preparazzjoni għall-Ġublew 2025 bit-tema “Gwida għall-familja fis-sena tal-Ġublew”. Il-laqgħa ssir fil-Knisja Arċipretali wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.

Quddies, adorazzjoni u taħdita

Il-Ġimgħa (6/12), l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikun hawn ħin ta’ adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija minn wara l-quddiesa tas-7.00am.

Nhar il-Ġimgħa li ġej ukoll, fis-7.00pm, fil-Knisja Arċipretali se ssir taħdita dwar San Ġużepp min-Nutar Dr Philip Ellul, li matulha se ssir ukoll introduzzjoni għall-pubblikazzjoni spiritwali bil-Malti li ġġib l-isem “San Ġużepp f’Kitbieti”. Kulħadd huwa mistieden biex jattendi, speċjalment dawk li huma devoti ta’ San Ġużepp. 

Bidu għall-Festi tal-Milied u quddiesa speċjali għaż-żgħażagħ

Il-Ħadd li ġej (8/12), fis-6.15pm se ssir attività organizzata mill-Kunsill Lokali f’Misraħ San Filep, li tagħti bidu għall-Festi tal-Milied. Waqt din l-attività se jsir kant ta’ għanjiet tal-Milied, messaġġ mis-Sindku u l-Arċipriet, u ssir il-mixgħela tas-Sigra tal-Milied. Kulħadd huwa mistieden.

Il-Ħadd ukoll (8/12), wara din l-attività, nistiednu liż-żgħażagħ kollha għall-quddiesa tas-7.00pm li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien li jippreparana għall-Milied.

Ġabra Speċjali

Fl-okkażjoni tal-ewwel Ħadd tax-Xahar, issir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja. Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.