Festa tal-Madonna tal-Grazzja
Qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja dedikata lilha. (Il-Ħadd filgħodu ikun hemm quddies fis-7.00am u fit-8.30am). Fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali.
Bidu tal-Katekiżmu
Mit-Tnejn 30 ta’ Settembru jibda t-tagħlim tal-Katekiżmu fil-MUSEUM tas-Subien u fiċ-Ċentru tal-Azzjoni Kattolika. Mit-Tnejn 7 ta’ Ottubru jibda l-Katekiżmu fil-MUSEUM tal-Bniet.
Rużarju u espożizzjoni tal-Ewkaristija
Matul ix-xahar ta’ Ottubru, fis-6.00pm issir l-espożizzjoni tal-Ewkaristija u jingħad ir-Rużarju li jintemm bil-Barka Sagramentali qabel il-quddiesa.
Adorazzjoni
Il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikun hawn adorazzjoni fis-skiet quddiem l-Ewkaristija minn wara l-quddiesa tas-7.00am. Dakinhar imħeġġa nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali.
Festa tal-Madonna tar-Rużarju
Il-Ħadd li ġej 6 ta’ Ottubru, niċċelebraw il-festa tal-Madonna tar-Rużarju.
- L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa ikunu ġranet tat-Tridu. Fis-6.00pm jingħad ir-Rużarju quddiem Ġesu’ Sagramentat u fis-6.30pm quddiesa bil-kant.
- Il-Ħadd filgħaxija, fl-4.30pm tingħad it-talba tal-Għasar, fil-5.00pm quddiesa kantata bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u wara purċissjoni bix-xbiha tal-Madonna akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju, li se tgħaddi minn dawn it-toroq: Sant’Antnin, Mula, Mamo, Santu Rokku u l-Kbira.
Wara l-purċissjoni jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm. Inħeġġu biex min jixtieq jakkumpanja bħala fratell mal-fratellanza tar-Rużarju fil-purċissjoni jinkiteb fis-sagristija.
Attivita’ Soċjali miż-żgħażagħ tal-Leġjun ta’ Marija
Il-Ħadd 6 ta’ Ottubru bejn id-9.00am u l-11.00am se ssir attività soċjali bejn żgħażagħ u anzjani organizzata mill-grupp taż-żgħażagħ tal-Legjun ta’ Marija. L-attività se ssir fis-Sala tas-Sorijiet. Aktar dettalji jinsabu fil-poster li hemm fin-noticeboards tal-Knisja.
Buffet Breakfast b’risq il-missjoni
It-Tlieta 1 ta’ Ottubru jkollna Buffet Breakfast b’risq il-missjoni li grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna se jagħmlu fil-Perù s-sena d-dieħla. Għal aktar informazzjoni u bookings ikkuntattjaw lill-membri tal-Grupp tal-Fundraising.
Sejħa għall-abbatini
Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom b’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini, jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.
Ġabra għall-Art Imqaddsa
Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda għall-Art Imqaddsa kienet ta’ €2,276.