Tberik tal-Baktijiet tal-Iskola
Il-Ħadd, 22 ta’ Settembru fil-Quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tal-basktijiet tal-iskola. It-tfal kollha huma mħeġġa li jattendu u jġibu magħhom il-basket jew il-pocket tagħhom tal-iskola biex jitbierek.
Laqgħat tal-Azzjoni Kattolika
Minn nhar l-Erbgħa jibdew il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika għan-nisa wara l-waqfa tas-sajf. Il-laqgħat ikunu kull nhar ta’ Erbgħa fid-9.30am fis-sala għand is-sorijiet. Jekk hawn xi nisa li jixtiequ jingħaqdu ma’ dan il-grupp huma mistiedna għal-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa li se tibda b’quddiesa.
Festa Madonna tal-Grazzja
Nhar il-Ħadd, 29 ta’ Sttembru, tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja ddedikata lilha fil-parroċċa tagħna. Bi preparazzjoni, matul il-ġimgħa (mit-Tnejn sas-Sibt) jingħad ir-Rużarju fis-6.45pm u fis-7.00pm issir quddiesa.
Il-Ħadd fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali. Aktar dettalji dwar l-attivitajiet marbutin ma’ din il-festa ssibuhom fil-programm li hemm fin-noticeboards.
Sejħa għall-abbatini
Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.
Playgroup mill-Moviment ta’ Kana
Il-Moviment ta’ Kana qed jorganizza Playgroup għat-tfal ta’ bejn sena u 3 snin kull nhar ta’ Tnejn fiċ-Ċentru Ta’ Warda mis-7 ta’ Ottubru ’l quddiem. Iktar dettalji fuq in-noticeboards.
Buffet Breakfast
Nhar it-Tlieta 1 ta’ Ottubru se jiġi organizzat Buffet Breakfast b’risq il-missjoni fil-Peru’ li grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna se jagħmlu s-sena d-dieħla. Għal bookings u informazzjoni, ikkuntattjaw lill-membri tal-Grupp tal-Fundraising.
Ġabra għall-Art Imqaddsa
Il-ġabra li se ssir fil-quddiesa tkun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi. Permezz tal-offerti tagħna nkunu qed ngħinu lill-Patrijiet Franġiskani biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb is-santwarji fdati f’idejhom marbutin mal-ħajja ta’ Ġesù, u jwettqu diversi ħidmiet ta’ karità ma’ ħutna nsara li jgħixu f’dan il-post.
Nitolbu għal Antonia Fenech u Carmelo Agius, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.