Attivita’ tal-Ewwel Tqarbina
Nhar it-Tnejn u l-Ħamis (15 u 18 t’April) se ssir attività fil-Knisja Arċipretali għat-tfal li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Il-ħin ikun fil-5.15pm. Inħeġġu lill-ġenituri jġibu lil uliedhom fil-ġurnata indikata lilhom miċ-Ċentru fejn jattendu l-katekiżmu.
Adorazzjoni u laqgħa tal-Fratelli
It-Tlieta (16 t’April) fid-9.30am, fil-Kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet ikun hemm l-adorazzjoni li jmexxiha s-Superjur Joe Fenech.
Fis-7.00pm se ssir laqgħa għall-Fratelli fis-Sala tas-Sorijiet. Inħeġġu lil dawk li s-soltu jieħdu sehem fil-purċissjonijiet sabiex jattendu.
Anniversarju tar-Relikwa ta’ San Filep
Din is-sena qegħdin infakkru t-300 anniversarju minn meta nġabet ir-relikwa ta’ San Filep. Biex infakkru din il-ġrajja, matul it-tliet ġimgħat li ġejjin se jkollna laqgħat ta’ tagħlim b’temi marbutin mal-appostolat u l-ministeru li wettaq San Filep. L-ewwel laqgħa se tkun nhar il-Ħamis li ġej (18 t’April) fis-7.00pm. Il-kelliem se jkun Dun Antoine Borg, Direttur ta’ Radju Marija u eżorċista, li se jitkellem dwar ir-realtà tal-okkult u s-sataniżmu fi żmienna. Il-kelliema fil-ġimgħat ta’ wara se jkunu Mons. Prof. Hector Scerri u Fr Charles Tabone OP. Inħeġġukom sabiex tattendu. Għal din l-okkażjoni se jiġi ppubblikat ktieb riċerkat bil-ġrajja ta’ kif il-parroċċa kisbet din ir-relikwa tant għażiża għalina, li matul is-sena tkun meqjuma fuq l-altar ta’ San Filep fil-kor tal-Knisja Arċipretali tagħna. Ir-relikwa hija biċċa mill-għadma tad-driegħ tal-qaddis patrun tagħna.
Ordinazzjoni tad-Djaknu Malcolm Saliba
Is-Sibt 20 t’April, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta, id-djaknu Malcolm Saliba, flimkien ma’ żewġ djakni oħra, se jiġu ordnati saċerdoti minn Mons. Arċisqof. Il-quddiesa tal-Ordinazzjoni tibda fid-9.30am. Qed jiġi organizzat trasport li jitlaq fid-8.45am minn ħdejn il-Posta. Min jixtieq jiġi b’dan it-trasport jinkiteb fis-sagristija. Nhar il-Ħamis fis-7.00pm, fil-parroċċa ta’ San Pawl ir-Rabat, se ssir velja ta’ talb bi tħejjija u biex nissieħbu spiritwalment ma’ dawk li se jiġu ordnati saċerdoti.
Fuljett ‘Flimkien’
Intom u ħerġin nistednukom tieħdu kopja tal-magażin FLIMKIEN, il-ħarġa ta’ April u Mejju. Ikun apprezzat jekk ikun hemm min jieħu xi kopja lil xi ħadd li joqgħod qrib tiegħu li ma jkunx jista’ joħroġ mid-dar.
Ġabra Speċjali
Il-ġabra speċjali li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda għall-bżonnijiet tal-knisja kienet ta’ €1,880. Nirringrazzjawkom ħafna tal-offerti tagħkom.
Reġistrazzjoni tat-Tfal għall-Kinder
Il-Kap tal-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ tavża li qed tilqa’ reġistrazzjonijiet tat-tfal għall-ewwel sena tal-kinder. Dawk il-ġenituri li għandhom tfal li twieldu fis-sena 2021 jistgħu jiġbru l-applikazzjoni mill-iskola. Dawn it-tfal jibdew skola f’Ottubru 2024. (Numru tat-telefon tal-iskola: 2598 7660).
Ġabra f’Jum il-Karita
Id-Djoċesi ta’ Malta qed tiċċelebra Jum il-Karità. Għaldaqstant, il-ġbir kollu li jsir fil-quddies ikun l-offerta tagħna biex ngħinu diversi ħidmiet u inizjattivi ta’ karità li twettaq il-Knisja permezz ta’ Djar u Istituzzjonijiet li joffru servizz u għajnuna lil persuni u familji fil-bżonn.
Nitolbu għal ħutna Joseph Attard, John Grech, Vincent Vella, Manuel Cortis u Maria Carmela Mangion, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.