Quddies lejliet u nhar il-Milied
Lejlet il-Milied fl-4.30pm ikun hawn il-qrar, waqt li fil-5.15pm u fis-6.30pm ikollna l-quddies tal-ħin. Fis-6.00pm toħroġ dimostrazzjoni mill-qasam tal-MUSEUM tas-subien li tintemm fil-Knisja Arċipretali għas-7.15pm, fejn issir ċelebrazzjoni mmexxija mill-membri tal-MUSEUM. Fil-10.45pm tibda Velja bil-kant, qari u l-prietka mit-tfal segwita mill-quddiesa tal-Lejl tal-Milied għall-11.15pm. Nitolbukom issegwu l-programm li kopji tiegħu jinsabu ħdejn il-bibien tal-knisja.
Nhar il-Milied il-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Fid-9.30am quddiesa speċjali għall-familji u t-tfal u fiha ssir il-prietka tradizzjonali minn żewġt itfal. Filgħaxija l-quddies ikun fil-5.30pm u fis-7.00pm.
Riflessjoni fuq il-Liturġija tal-Ħadd
It-Tlieta, 26 ta’ Diċembru wara l-quddiesa tas-6.30pm ikun hawn riflessjoni fuq il-Liturġija tal-Ħadd li ġej – Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret. Imexxi d-Djaknu Malcolm.
Kwaranturi
Minn nhar il-Ħamis 28 sas-Sibt 30 ta’ Diċembru jkunu l-ġranet tal-Kwaranturi fil-Knisja Arċipretali. Fit-8.30am issir l-espożizzjoni solenni tal-Ewkaristija sa nofsinhar. Filgħaxija fl-4.30pm ikun hawn siegħa adorazzjoni fis-skiet u fis-6.00pm tingħad it-talba tal-Għasar. Fis-Sagristija hemm timetable tal-ħinijiet biex min jixtieq joffri nofs siegħa adorazzjoni fil-ħinijiet tal-adorazzjoni jinkiteb.
Quddies tal-aħħar(2023) u tal-ewwel(2024) jum tas-sena
Il-Ħadd, 31 ta’ Diċembru huwa l-aħħar jum tas-sena, ikun hawn il-quddiesa tal-5.15pm. Fis-6.30pm quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr lil Alla fl-għeluq tas-sena. Fi tmiem il-quddiesa, issir purċissjoni fil-knisja bl-Ewkaristija u jitkanta t-Te Deum.
Nhar l-Ewwel tas-Sena, Solennità ta’ Marija Omm Alla, il-quddies ikun bħal nhar ta’ Ħadd. Filgħaxija jkun hawn quddies fil-5.30pm u fis-7.00pm.
Ġabra b’risq id-Dar tal-Providenza
Il-ġbir li jsir fil-quddiesa tat-Te Deum fl-aħħar tas-sena u fil-quddies nhar l-Ewwel tas-Sena jkun b’riżq id-Dar tal-Providenza.