Ħinijiet tal-Quddies
Infakkru li l-ħin tal-quddies filgħaxija mhux se jinbidel: jiġifieri l-quddiesa ta’ filgħaxija matul il-ġimgħa tibqa’ fis-6.30pm u s-Sibt filgħaxija l-ħin tal-quddies jibqa’ fil-5.15pm u fis-6.30pm. Fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-ħin tal-quddies mit-Tnejn sal-Ħadd ikun fis-6.15pm.
Festa tal-Qaddisin Kollha
L-Erbgħa 1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin Kollha, se ssir quddiesa għat-tfal fil-Knisja Arċipretali fis-6.00pm. Wara jkun hemm attività varjata għat-tfal. Navżaw li din se tkun l-unika quddiesa filgħaxija u ma jkunx hawn quddiesa fis-6.30pm.
L-Għid tal-Imwiet
Il-Ħamis 2 ta’ Novembru, niċċelebraw l-Għid tal-Imwiet. Niftakru f’ħutna l-mejtin. Il-quddies filgħodu jibda fis-6.00am u jkompli kull nofs siegħa bl-aħħar quddiesa tkun fit-8.30am. Fis-6.30pm issir konċelebrazzjoni biex nitolbu għal ħutna l-mejtin, b’mod speċjali dawk li mietu minn Novembru tas-sena l-oħra ‘l hawn. Inħeġġu lill-qraba tagħhom biex jieħdu sehem f’din il-quddiesa.
Adorazzjoni
Il-Ġimgħa, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikun hawn adorazzjoni fis-skiet minn wara l-quddiesa tas-7.00am li tintemm bil-Barka Sagramentali qabel il-quddiesa tat-8.00am.
Quddiesa u Tberik Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu u ta’ Sant’Andrija
Il-Ħadd li ġej fl-4.00pm ikun hemm quddiesa fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’ u wara jsir it-tberik tal-oqbra. It-tberik taċ-ċimiterju ta’ Sant’Andrija jsir il-Ħadd ta’ wara fl-10.00am.
Ftuħ taċ-Ċimiterju f’Novembru
Matul ix-xahar ta’ Novembru, iċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ kuljum mis-7.00am sat-3.30pm. Waqt li nirringrazzja li min qed jieħu l-inkarigu li jiftaħ u jara li l-post jinżamm nadif b’mod volontarju, napprezza ħafna l-koperazzjoni ta’ kulħadd biex nieħdu ħsieb li jibqa’ nadif kif jixraq.
Ġabra għall-Knisja
Il-ġbir li sar fil-quddies is-Sibt u l-Ħadd li għadda fil-Knisja Arċipretali u fil-knejjes l-oħra b’riżq il-Missjoni kien ta’ €3,928.
Prietka tal-Milied
Infakkru li dawk it-tfal subien u bniet li jixtiequ jagħmlu l-prietka tal-Milied, il-ġenituri tagħhom għandhom jiktbuhom fis-sagristija jew fl-Uffiċċju Parrokkjali.
Donazzjonijiet għal Hospice Movement
Intom u ħerġin mill-knisja membri volontarji ta’ Hospice Movement se jkunu qed jilqgħu donazzjoni b’riżq is-servizzi u l-assistenza li l-Hospice joffri lil ħafna persuni li jkunu jeħtieġu l-għajnuna minħabba mard tal-kanċer u mard serju ieħor. Il-Hospice joffri s-servizzi tiegħu mingħajr ħlas, għaldaqstant kull donazzjoni min-naħa tagħna tkun ta’ għajnuna kbira u hija ferm apprezzata.
Nitolbu għal George Magri u Josianna Camilleri li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.