Erbgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena A

Festa ta’ Marija Addolorata

Qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ Marija Addolorata. Il-Ħadd, 17 ta’ Settembru fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni minn Patri Elmar Pace ofm Cap. Wara toħroġ il-purċissjoni akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju li se tgħaddi minn Misraħ San Filep, Triq Sciortino, Triq Frans Sammut u Triq il-Kbira. Ma jkunx hawn il-quddiesa tas-7.00pm.

Adorazzjoni

It-Tlieta, 19 ta’ Settembru fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp, għand is-Sorijiet.

Laqgħa Ġenituri u Parrini tal-Griżma

It-Tlieta 19 ta’ Settembru se ssir l-aħħar laqgħa għall-ġenituri u l-parrini ta’ dawk li se jagħmlu l-Ġriżma. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (fid-Domus), fis-7.00pm.

Tberik tal-Basktijiet tal-Iskola

Nhar il-Ħadd, 24 ta’ Settembru li ġej fil-Quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tal-basktijiet tal-iskola. It-tfal kollha huma mħeġġa li jattendu u jġibu magħhom il-basket jew il-pocket tagħhom tal-iskola biex jitbierek.

Festa Madonna tal-Grazzja

Nhar il-Ħadd, 24 ta’ Settembru tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja dedikata lilha. Bi preparazzjoni, matul il-ġimgħa (mit-Tnejn sas-Sibt) jingħad ir-Rużarju fis-6.45pm u fis-7.00pm issir quddiesa. Il-Ħadd filgħaxija ssir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali. Aktar dettalji dwar l-attivitajiet marbutin ma’ din il-festa ssibuhom fil-programm li hemm fin-noticeboards.

Reffiegħa vara tar-Rużarju

Dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vara tar-Rużarju jew jagħmlu forċina waqt il-purċissjoni li se ssir il-Ħadd 1 ta’ Ottubru huma mitluba li jinkitbu fis-Sagristija.

Ringrazzjament lis-Superjur Simon Camilleri

F’isem il-komunità parrokkjali nixtieq nirringrazzja lis-Superjur Simon Camilleri li għal 10 snin kien responsabbli mill-Qasam tal-MUSEUM tas-subien u issa se jkun qiegħed ikompli l-ħidma tiegħu fil-MUSEUM ta’ Ħaż-Żabbar. Fl-istess waqt nilqgħu lis-Soċju Jonathan Cardona li se jkun is-Superjur il-ġdid u nawgurawlu għal din il-ħidma li ġiet afdata f’idejh. Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja wkoll lis-soċji kollha tal-MUSEUM subien u bniet u l-katekisti tal-Azzjoni Kattolika għall-impenn tagħhom fit-tagħlim tal-katekiżmu għall-ġid tat-tfal u l-adolexxenti tagħna.

Ġabra tal-Art Imqaddsa

Il-ġabra li se ssir fil-quddiesa tkun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi. Permezz tal-offerti tagħna nkunu qed ngħinu lill-Patrijiet Franġiskani biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb is-santwarji afdati f’idejhom marbutin mal-ħajja ta’ Ġesù, u jwettqu diversi ħidmiet ta’ karità ma’ ħutna nsara li jgħixu f’dan il-post.

Nitolbu għal Emanuel Refalo, li għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Leave a Reply