Jum in-Nanniet
Fuq xewqa tal-Papa, dan il-Ħadd qed niċċelebraw Jum in-Nanniet, qrib tal-festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin li l-Knisja tfakkar fis-26 ta’ Lulju. Għall-quddiesa tad-9.30am huma mistiedna b’mod speċjali n-nanniet mal-familji tagħhom.
Festa San Ġużepp
Matul din il-ġimgħa niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp:
- It-Tnejn fit-7.45pm issir quddiesa għaż-żgħażagħ fuq iz-zuntier. Wara jsir il-ħruġ tal-vara min-niċċa u l-preżentazzjoni tat-trabi lil San Ġużepp.
- Il-Ħamis u l-Ġimgħa jkunu jiem tat-Tridu. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bil-prietka minn Patri Clive Camilleri OFM. Wara l-quddiesa tingħad il-kurunella, jitkantaw l-innu u l-antifona u tingħata l-Barka Sagramentali.
- Is-Sibt, l-aħħar jum tat-Tridu, fis-6.00pm isir l-Ewwel Għasar kantat u fis-6.30pm quddiesa bil-prietka tat-Tridu. Wara l-funzjoni tat-Tridu jitkanta Te Deum u Barka Sagramentali.
- Il-Ħadd, nhar il-Festa, fit-8.00am issir il-quddiesa solenni bil-paniġierku minn Patri Joseph Zahra OP. Il-quddiesa ta’ wara tkun fl-10.00am għat-tfal u l-familji. Fis-6.00pm ikun hawn quddiesa bil-kant li fiha jingħad l-Għasar. Fis-7.30pm toħroġ il-purċissjoni li tidħol lura fl-10.00pm u tagħlaq bl-antifona u l-Barka Sagramentali.
Ħdejn il-bieb il-kbir tal-knisja hemm fuljetti bil-programm sħiħ u miegħu hemm envelope biex wieħed jagħmel offerta għall-festa. L-envelope bl-offerta tagħkom nitolbukom iġġibuh magħkom fil-knisja u titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar.
Esperjenza fl-Albanija
F’isem il-grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna li dan l-aħħar kellhom esperjenza ġewwa Durres, l-Albanija, nirringrazzjawkom għad-donazzjonijiet miġbura b’risq din il-missjoni. Is-somma miġbura ta’ €7,000 intużat biex jiġu finanzjati diversi proġetti li twettqu fil-parroċċa ta’ San Ġorġ immexxija mill-Patrijiet Dumnikani Maltin, fosthom sessjonijiet edukattivi u summercamp għat-tfal u żgħażagħ, rinovazzjoni tal-area ta’ rikreazzjoni u xiri ta’ apparat teknoloġiku għaċ-ċentru parrokkjali.
Premju Papa Ġwanni XXIII
Nifirħu lil Luigi Zammit, żagħżugħ mill-parroċċa tagħna, li ġie mogħti l-premju Papa Ġwanni XXIII bħala rikonoxximent għall-qalb tajba tiegħu u l-impenn favur min hu batut.
Nitolbu għal oħtna Karmena Cilia li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.