Bake Sale b’risq il-missjoni fl-Albanija
Il-Ħadd, 21 ta’ Mejju, ser isir Bake Sale (bejgħ ta’ kejkijiet u ħelu) fuq iz-zuntier b’risq il-missjoni li grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna se jagħmel ġewwa l-Albanija. Fl-istess ħin għaddej ukoll Bazaar fiċ-Ċentru Ta’ Warda għall-istess għan. Ħaġa sabiħa li ngħinu f’din l-inizjattiva.
Pellegrinaġġ għall-Kappella tal-Viżitazzjoni
Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju, il-Leġjun ta’ Marija se jorganizza pellegrinaġġ u quddiesa fil-kappella tal-Viżitazzjoni f’Wied Qirda. Il-pellegrinaġġ jibda fis-6.00pm minn ħdejn l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes, fi Triq is-Siġġiewi, u wara ssir quddiesa fil-kappella msemmija. Kulħadd mistieden jattendi, b’mod speċjali l-membri Awżilarji.
Laqgħa għall-koppji miżżewġa
Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Familja tistieden lill-koppji miżżewġin għal laqgħa li se jmexxiha Fr Mario Dimech. Il-laqgħa se ssir fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali) fis-7.00pm.
L-Ewwel Tqarbina
Nhar il-Ħadd 28 ta’ Mejju, numru sabiħ ta’ tfal se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. It-tfal subien fid-9.30am u l-bniet fil-5.00pm. Minħabba l-Preċett, fid-9.30am se ssir quddiesa fid-Domus.
Bi preparazzjoni għall-Ewwel Tqarbina, se jkun hawn il-qrar għall-ġenituri u għat-tfal, il-Ġimgħa filgħaxija mis-6.00pm sat-8.00pm, kif ukoll is-Sibt filgħodu mit-8.00am sal-10.00am u filgħaxija mill-4.30pm sas-7.30pm.
Tqassim tal-Fuljett
Nitlob lil dawk li s-soltu jgħinu fit-tqassim tal-fuljett tal-festa sabiex jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tat-toroq li jqassmu s-soltu. Jekk hawn min jista’ jgħin fit-tqassim mitlub ukoll jagħti ismu fis-sagristija u x’toroq jista’ jqassam fihom. Nirringrazzja lil kull min lest li jgħin f’din il-ħidma.
Trasport għall-anzjani għall-quddies fil-ġimgħa tal-festa
Dawk li għandhom xi anzjani li jixtiequ jiġu għall-quddiesa speċjali għalihom fil-ġimgħa tal-festa, it-Tlieta 6 ta’ Ġunju, fid-9.30am, u għandhom bżonn trasport, nitlob lil xi ħadd mill-familjari jagħtuna isimhom fis-sagristija. Dawk ukoll li għandhom xi qraba emigranti li se jkunu fostna fil-jiem tal-festa, nitolbukom ukoll sabiex tgħaddu l-ismijiet tagħhom fis-sagristija.
Nitolbu għal ħutna Louis Chircop, Carmen Dalli u Antonia Pisani, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.