Festa tal-Ħniena Divina
Qegħdin nagħmlu l-festa tal-Ħniena Divina. Fil-5.30pm ikun hawn il-quddiesa u wara tkompli l-Adorazzjoni bil-Kurunella u t-talba tal-Ħniena Divina u barka Sagramentali.
Fil-kappella tal-Lunzjata fi Triq il-Kbira qed issir il-festa. (Is-Sibt u l-Ħadd filgħaxija) Ikun hemm Rużarju fis-6.30pm u quddiesa fis-7.00pm.
Adorazzjoni
Nhar it-Tlieta 18 ta’ April fl-10.00am issir l-adorazzjoni fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-sorijiet animata mis-Superjur Joe Fenech.
Nhar il-Ħamis fis-6.00pm, fil-Knisja Arċipretali ikun hawn l-Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat. Nistednukom tieħdu sehem fiha u nitolbu b’mod speċjali għas-seminarista Malcolm Saliba li s-Sibt li ġej 22 ta’ April se jiġi ordnat djaknu. Iċ-ċerimonja se ssir fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt u tibda fid-9.30am. Għal min jixtieq jattendi qed jiġi organizzat trasport li jitlaq minn ħdejn il-posta fit-8.30am. Min hu nteressat jinkiteb fis-sagristija.
Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin
Il-Ġimgħa 21 ta’ April, il-Kummissjoni Familja se torganizza laqgħa għall-koppji miżżewġin fis-Sala ta’ Dar San Ġużepp għand is-Sorijiet, fis-7.00pm. Tmexxi l-laqgħa Ms Anna Micallef mill-Caritas. Id-diskussjoni se tkun dwar kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-koppja u l-familja.
Quddies fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu
Navżaw li l-quddiesa fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ matul il-ġimgħa, is-Sibtijiet u l-Ħdud qed tkun fis-6.15pm.
Ġabra għad-dar tal-Kleru
Il-ġabra li saret f’Ħamis ix-Xirka għad-Dar tal-Kleru kienet ta’ €708; mill-Karus ta’ Mħabba nġabru €408; u l-offerti li nġabru fil-Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju organizzata mill-Azzjoni Kattolika kienu ta’ €645. Il-ġbir li sar fil-quddies nhar l-Għid kien €2,021. Din il-ġabra kienet ta’ għajnuna għall-ispejjeż li saru fil-festi tal-Għid.
Fuljett ‘Flimkien’
Tistgħu tieħdu kopja tal-Flimkien (April u Mejju) minn ħdejn il-bibien tal-knisja.
Ġita għall-Polonja
Se tiġi organizzata ġita mill-parroċċa għall-Polonja mis-17 sal-24 ta’ Awwissu. Min hu interessat fiha jkellem lill-Arċipriet.
Nitolbu għal ħutna Maria Stella Gatt, Phyllis Baldacchino, Mikiel Farrugia u Mary Cutajar, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.