Ġimgħa Mqaddsa
Qegħdin nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tifkira solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Għada (illum) fid-9.00am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa.
Programm tal-Ġimgħa Mqaddsa għal din il-ġimgħa
- It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa jkollna dan il-programm: fis-6.10pm ngħidu flimkien it-talba tal-Għasar, fis-6.30pm il-quddiesa u wara jkompli mument ta’ talb quddiem Ġesù Ewkaristija.
- Nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu ma jkunx hawn quddies. L-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni bit-Tberik taż-Żjut fid-9.15am, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann flimkien mas-saċerdoti. Fis-6.30pm tibda l-Funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka u fi tmiem il-quddiesa Ġesu’ Ewkaristija jittieħed proċessjonalment fl-altar tal-adorazzjoni u minn dak il-ħin inkunu nistgħu nagħmlu l-viżti u l-adorazzjoni tagħna. Fl-10.30pm ikun hawn Adorazzjoni Komunitarja u f’nofsilejl tagħlaq il-knisja.
- Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja tiftaħ fis-6.30am. Fid-9.00am nistednukom għat-talb tal-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum magħna s-saċerdoti. Imbagħad ikompli l-ħin tal-viżti sa nofsinhar. Fit-3.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib u wara toħroġ il-purċissjoni kif indikat fil-programm. Min jixtieq jirriserva siġġu fuq iz-zuntier għal waqt il-ħruġ tal-purċissjoni jista’ jagħmel dan mill-post ta’ wara l-knisja.
- Is-Sibt fit-8.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Vġili tal-Għid. Nhar Ħadd il-Għid fid-9.00am toħroġ il-purċissjoni. Fid-9.30am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. Dakinhar it-tfal iġibu l-Karus ta’ Mħabba. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.
Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju
L-Azzjoni Kattolika, permezz tas-Segretarjat Assistenza Soċjali, matul dawn il-ġranet torganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Inħeġġukom biex ngħinu l-ħidma ta’ karita’ li twettaq l-Azzjoni Kattolika ma’ familji u persuni fil-bżonn billi nagħtu xi offerta ta’ flus fil-kaxxa li hawn ħdejn l-altar.
Programm sħiħ tal-Ġimgħa Mqaddsa
Biex tkunu tistgħu ssegwu aħjar il-programm tal-festi tal-Għid, tistgħu tieħdu leaflet bid-dettalji u l-ħinijiet intom u ħerġin mill-knisja minn ħdejn il-bibien tal-knisja.
Nitolbu għal oħtna Marija Dolores Gatt li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.