Kwaranturi
Minn nhar il-Ħamis 29 ta’ Diċembru sal-aħħar tas-sena jkollna l-Kwaranturi fil-Knisja Arċipretali. Fit-8.30am issir l-espożizzjoni solenni tal-Ewkaristija sa nofsinhar. Filgħaxija fl-4.30pm ikun hawn siegħa adorazzjoni fis-skiet u fis-6.00pm tingħad it-talba tal-Għasar. Fis-Sagristija hemm timetable tal-ħinijiet biex min jixtieq joffri nofs siegħa adorazzjoni fil-ħinijiet tal-adorazzjoni jinkiteb.
Quddies ta’ l-aħħar tas-Sena
Nhar is-Sibt, 31 ta’ Diċembru – l-aħħar jum tas-sena, bħas-soltu jkun hawn il-quddiesa tal-5.15pm. Fis-6.30pm quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr lil Alla fl-għeluq tas-sena. Fi tmiem il-quddiesa, issir purċissjoni fil-knisja bl-Ewkaristija u jitkanta t-Te Deum. Nhar l-Ewwel tas-Sena, Solennità ta’ Marija Omm Alla, il-quddies ikun bħal nhar ta’ Ħadd. Filgħaxija jkun hawn quddies fil-5.30pm u fis-7.00pm.
Ġbir għad-Dar tal-Providenza
Il-ġbir kollu li jsir nhar is-Sibt filgħaxija u fl-Ewwel tas-Sena jkun b’riżq id-Dar tal-Providenza. Ilkoll nafu kemm din id-dar teħtieġ għajnuna biex toffri servizz tajjeb u professjonali lir-residenti li jgħixu fiha. Inkun ġenerużi fl-għotjiet tagħna.
Attivita’ Żgħażagħ Leġjun ta’ Marija
Nhar il-Ħadd 8 ta’ Jannar mid-9.00am sal-11.30am, iż-żgħażagħ tal-Leġjun ta’ Marija se jorganiżżaw attivita’ bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Iktar informazzjoni ssibuha fin-noticeboards tal-knisja. Dakinhar ukoll se tiġi ċċelebrata quddiesa għaż-żgħażagħ fis-7.00pm fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu liż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa tagħna sabiex jieħdu sehem.
Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona
F’Awwissu tas-sena d-dieħla (2023) se jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ġewwa Lisbona, il-Portugall, li għalih hu mistenni li jkun preżenti l-Q.T. Papa Franġisku. Dawk iż-żgħażagħ li huma interessati li jattendu għal dan l-avveniment flimkien ma’ żgħażagħ oħra mill-parroċċa tagħna, jistgħu jitolbu aktar informazzjoni mis-Sagristija jew minn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa.
Nitolbu għal Philip Camilleri, li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.